“Sakemm jibqa’ mqar feles ta’ metru kwadru ta’ raba’ li nistgħu nsalvaw, nibqgħu għaddejjin b’din il-ġlieda favur il-ħarsien tar-raba’ u kontra l-iżvilupp tal-art bla rażan.” Dan qalu Carmel Cacopardo Chairperson ta’ ADPD – The Green Party huwa u jitkellem f’konferenza stampa fl-Iklin fejn biċċa art oħra, bħalissa raba’, se tingħata għall-iżvilupp. Qisna m’għandniex biżżejjed, art żviluppata diġà.
L-ADPD tgħid li l-Parlament għadu fil-ħin biex isalva biċċa mdaqqsa mill-2 miljun metru kwadru li l-Gvern Nazzjonalista ta għall-iżvilupp fl-2006. Huwa ta’ xejn li l-partiti fil-Parlament jgħidulna kemm għandhom għal qalbhom l-ispazji miftuħa meta it-tnejn li huma qed jirrifjutaw li jħassru b’mod immedjat il-pjan ta’ razzjonalizazzjoni tal-2006.
Dr Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali tal-ADPD – The Green Party fakkar kif tul dawn l-aħħar 16-il sena, mill-bidunett ta’ dan l-isfreġju, ADPD żar diversi postijiet fejn qed isseħħ il-qerda minħabba l-iskema ta’ razzjonalizzazzjoni. Dorna Malta, mis-Swieqi, sa Birżebbuġa, Marsaxlokk, Marsaskala, il-Mosta, Ħ’Attard, u dan l-aħħar Santa Luċija, fost postijiet oħra. Illum erġajna qegħdin l-Iklin.
“F’dal-post, ir-razzjonalizazzjoni se tfisser il-qerda ta’ art ta’ madwar 5,000 metru kwadru. Il-Gvern jitkellem li jrid jipproteġi lill-bdiewa, imma jirrifjuta li jbiddel u jnaqqas iż-żoni tal-iżvilupp biex isalva art agrikola. Hawn ukoll, għax l-iżviluppatur m’għandux biċċa art kbira kif jixtieq, dan qed jitlob lill-Awtorità tal-Ippjanar (PC00054/17) biex parti mit-triq tkun fuq żona li attwalment għadha ODZ – jiġifieri qed tintalab iktar art milli diġà ittieħdet bir-razzjonalizzazzjoni. Saħansitra dan l-iżvilupp jista’ jkun ta’ periklu billi jista’ jkun eqreb għal kamra tan-nar fl-inħawi mill-minimu permess bil-liġi. Mhux kuntent li l-biċċa art li għandu ngħatat għall-bini fl-2006, iżda jrid biċċa oħra. Dawn dejjem iridu iktar aktar. Il-partiti fil-Parlament min-naħa tagħhom bil-paroli jitkellmu dwar il-kwalità tal-ħajja imma bil-fatti jagħmlu bil-maqlub,” temm jgħid Cassar.
Il-Perit Cacopardo qal li dan li qed naraw illum huwa assalt kontinwu biex art agrikola tingħata għall-iżvilupp. Minkejja il-kliem sabiħ li naraw fil-White Paper intitolata Riforma fil-Qasam tar-Raba’ li ħarġet din il-ġimgħa, jkomplu jingħataw permessi bħal dawn li bihom żoni sħaħ li sal-2006 kienu meqjusa mhux għall-iżvilupp jingħataw għall-bini.
“L-attakk fuq art agrikola jkompli. Infakkru li dan il-Prim Ministru, Robert Abela, kif ukoll il-kap tal-PN Bernard Grech it-tnejn iddikjaraw li mhux se jnaqqsu ż-żoni tal-iżvilupp. Kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista huma ħaġa waħda fejn tidħol l-protezzjoni tal-ispekulaturi: t-tnejn jappoġġjaw il-qerda tal-art u tal-kwalità tal-ħajja fuq l-artal li jigglorifika l-ispekulazzjoni tal-art. Il-bdiewa dejjem jispiċċaw ilaqqtuha – hemm min hemm fil-Gvern.
Il-pjani lokali, meta saru, ma sarux sew. L-impatt kumulattiv tal-iżvilupp propost qatt ma ġie analizzat. Il-ħtieġa li jkunu soġġetti għal revizjoni hi waħda urġenti. Nistiednu lill-membri parlamentari, jekk vera għandhom għal qalbhom il-kwalità tal-ħajja tan-nies, jekk vera jemmnu li għandhom isalvaw il-ftit li għad baqa’, jekk iridu verament jipproteġu lill-bdiewa, u jekk verament iridu jipproteġu l-ispazji miftuħa biex jippreżentaw mozzjoni fil-parlament biex jiġu reveduti l-pjani lokali u biex il-pjan ta’ razzjonalizzazzjoni tal-2006 jitħassar. Nafu, sfortunatament, li ħadd minnhom mhu se jagħmel dan.
Aħna min-naħa tagħna se nibqgħu nisħqu li ż-żoni tal-iżvilupp għandhom jitreġġgħu lura għal dawk ta’ qabel l-2006, u li l-pjani lokali għandhom jiġu reveduti minnufih. Se nibqgħu ninsistu sakemm ikun għad baqa’ imqar l-aħħar biċċa metru kwadru ta’ art li għad tista’ tkun salvata minn żvilupp mhux meħtieġ,” temm jgħid Cacopardo.