Insostnu s-settur agrikolu u l-produzzjoni tal-ikel sostenibbli.

Is-sigurtà tal-ikel hija prijorità ewlenija għal dan il-gvern u għalhekk, fl-2023, il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali se jaħdem fuq diversi miżuri li se jkunu kruċjali biex isostnu s-settur agrikolu u l-produzzjoni tal-ikel sostenibbli.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo elenka l-programm estensiv ta’ proġetti li se jiġu implimentati mill-ministeru matul is-sena d-dieħla u jkopru s-sigurtà tal-ikel, in-nutrizzjoni, il-kwalità, il-produzzjoni, il-provvista, il-kummerċ, il-kummerċjalizzazzjoni u l-interessi tal-konsumatur.
Il-ministru sostna li dan ser ikun possibbli permezz tal-iżvilupp ta’ politika nazzjonali għal katina ta’ ikel iktar b’saħħitha bil-għan li jinħolqu opportunitajiet fid-diversi oqsma li jmissu mal-produzzjoni tal-ikel. “Il-prijorità tagħna hija għal politika koeżiva u inklużiva mibnija fuq djalogi nazzjonali u approċċ integrat għas-sistemi tal-ikel,” aċċenna l-Ministru Refalo.
Is-sena d-dieħla l-ministeru ser ikompli jaħdem b’mod sħiħ fuq l-istrateġija nazzjonali għall-ikel u ser jiġi żviluppat l-ewwel Pjan Nazzjonali għal Produzzjoni Organika. L-għan aħħari ta’ dan il-pjan huwa li jinħolqu swieq ġodda għall-prodott organiku mal-katina tal-ikel kollha. Il-Ministru Refalo qal li fil-jiem li ġejjin ser titħabbar skema sabiex jiġu inċentivati s-sidien tal-artijiet sabiex jidħlu f’arranġament ma’ bdiewa li jixtiequ jaħdmu l-art għall-produzzjoni organika.
Tragward importanti ħafna għas-settur agrikolu huwa l-avviż legali li tressaq quddiem il-Parlament u li se jwassal għal emendi fl-Att dwar it-Tiġdid tal-Kiri ta’ Raba’. Permezz tal-emendi leġiżlattivi, il-bdiewa li jikru raba’ agrikolu mingħand sidien privati ser ikunu jistgħu jkomplu jikkultivaw l-art sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tas-settur agrikolu mingħajr ma jkollhom ir-riskju li tittieħdilhom l-art li jaħdmu. Permezz tal-emendi għal KAP 199 ser jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-liġi sabiex jinħoloq bilanċ bejn id-drittijiet ta’ sid l-art fit-tgawdija tal-proprjetà tiegħu u l-ħarsien tal-interess pubbliku b’mod leġittimu.
Spjega li l-ministeru nieda wkoll konsultazzjoni pubblika dwar White Paper li tipproponi riforma fil-qasam tar-raba’ b’viżjoni fit-tul u li toffri direzzjoni għal azzjonijiet meħtieġa permezz ta’ numru ta’ proposti li huma maħsuba biex jindirizzaw il-kwistjonijiet li jpoġġu f’periklu t-telfien tar-raba’. Hekk kif jiġi konkluż iż-żmien ta’ konsultazzjoni fit-8 ta’ Novembru li ġej, ser jiġu evalwati s-sottomissjonijiet u matul is-sena d-dieħla jibda t-twettiq tal-proposti ta’ din il-white paper. Il-Ministru Refalo qal li ser jinħoloq qafas legali u sistemi ta’ kontroll li jissalvagwardjaw id-drittijiet soċjali tal-partijiet kollha, is-sigurtà tal-ikel u l-ħarsien tal-ambjent.
Il-ministru semma l-ħidma intensiva sabiex jingħalaq il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni kif ukoll il-Programm Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akwakultura, li ser iwasslu sabiex is-sena d-dieħla, kemm is-settur tas-sajd kif ukoll tal-biedja se jkomplu jibbenefikaw minn għotjiet u appoġġ finanzjarju, sabiex jiżdied l-investiment u jitjieb l-operat.
“Qed niggarantixxu wkoll appoġġ sħiħ fir-rigward tal-ħarsien tal-annimali. Wara li nedejna konsultazzjoni pubblika sabiex niżviluppaw strateġija nazzjonali għall-ħarsien tal-annimali u ppreżentajna emendi għall-Att dwar il-Ħarsien tal-Annimali fil-Parlament, is-sena dieħla ser inkunu qed inkomplu naħdmu fuq diversi liġijiet li jirregolaw dan is-settur,” sostna l-ministru.
Il-Ministru Refalo temm jgħid li l-Ministeru għall-Agri​koltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali ser ikompli jaħdem sabiex iwettaq il-pjan ambizzjuż li jagħmlu lis-setturi tal-biedja u sajd attraenti għaż-żgħażagħ b’mod li jkunu sostenibbli u profittabbli.