Investiment ta’ €386,000 għar-riabilitazzjoni ta’ Wied Liemu.

Wied Liemu qed jiġi riabilitat b’investiment ta’ €386,000, b’kofinanzjament mill-Fond Agrikolu għall-Iżvilupp Rurali. Wied Liemu jinsab fil-limiti tar-Rabat u jagħmel parti minn fost l-ikbar ilqugħ tal-ilma f’Malta, hekk kif l-ilma tax-xita jgħaddi minn Ħad-Dingli u jispiċċa fis-Salini.
Dan il-proġett tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, flimkien mad​-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard.
Il-proġett f’Wied Liemu jinkludi r-restawr ta’ kanal tal-ilma ta’ żmien il-Kavallieri, ir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, kif ukoll ir-restawr ta’ pont eżistenti u l-bini mill-ġdid ta’ żewġ pontijiet tal-ġebel biex jagħtu aċċess lill-bdiewa għall-għelieqi tagħhom.
Matul ix-xhur tas-sajf, Parks Malta bdiet għaddejja b’xogħol ta’ tindif ta’ dan il-wied minn skart u materjal li akkumula matul is-snin. B’dan il-mod jiġu evitati każijiet ta’ għargħar li jispiċċa jħalli impatt fuq il-mogħdijiet u l-għelieqi tal-madwar, li jwassal għal telf ta’ ħamrija u ta’ prodotti agrikoli. Dan l-investiment se jkompli jissarraf f’aktar aċċessibbiltà, u permezz ta’ xogħol kontinwu jkompli joħloq aktar għarfien u kuxjenza favur l-ambjent.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li dan il-proġett ta’ riabilitazzjoni qed iwassal għall-ħarsien tal-wirt naturali. “Madwar Malta nsibu diversi widien b’flora u b’fauna endemiċi, u għalhekk huwa meħtieġ li dan jiġi preservat. Grazzi għal Parks Malta, qed inkomplu naħdmu biex aktar widien ikunu aċċessibbli u preservati bl-aħjar mod possibbli,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Miriam Dalli ħeġġet lill-pubbliku  biex iżomm dawn l-widien nodfa minn kull tip ta’ skart, bil-għan li ma jispiċċax fil-baħar.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett semma li x-xogħlijiet f’Wied Liemu qed isiru permezz tal-Fond Agrikolu għall-Iżvilupp Rurali. “Parks Malta, permezz ta’ fondi Ewropej, diġà investiet ’il fuq minn €1.9 miljun biex saru xogħlijiet f’żewġ widien oħra, fosthom Wied Santa Katarina u Wied Fiddien, filwaqt li hemm ippjanati żewġ proġetti oħra ta’ ’l fuq minn €1.5 miljun, bil-għan li noffru aktar postijiet ta’ tgawdija għall-familji Maltin u Għawdxin,” qal is-segretarju parlamentari.