Fi żjara li għamel il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, fl-uffiċini ta’ Transport Malta (TM) fil-Marsa, segwa mill-qrib l-operat tal-Vehicle Traffic Services (VTS). B’investiment ta’ €6 miljun iffinanzjat minn Transport Malta, ġew aġġornati numru ta’ radars f’siti madwar Malta filwaqt li nbidel l-hardware u s-software fiż-żewġ ċentri ta’ kontroll. L-investiment jinkludi wkoll ftehim ta’ manutenzjoni mal-fornitur għal għaxar snin u jikkonferma l-impenn kontinwu tal-Gvern għas-sigurtà marittima, l-effiċjenza fl-operat tal-ibħra Maltin u s-sostenibbiltà ambjentali.
Is-sistema tal-VTS hija komponent kruċjali tal-infrastruttura marittima tal-pajjiż. Din is-sistema tiżgura monitoraġġ sigur u effiċjenti tal-movimenti tal-bastimenti fl-ibħra territorjali Maltin, b’konformità mad-Direttiva dwar is-Sistemi ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni tat-Traffiku tal-Bastimenti (VTMIS) u l-ogħla standards internazzjonali. B’siti tar-radar avvanzati u ċentri ta’ kontroll moderni, il-VTS għandha rwol essenzjali biex pajjiżna jżomm l-istatus bħala ċentru marittimu ewlieni fil-Mediterran.
Il-Ministru Bonett faħħar l-isforzi ta’ Transport Malta biex issaħħaħ is-sigurtà marittima, u qal li “l-investiment fis-sistema tal-VTS huwa xhieda tal-impenn sod ta’ Malta li timmodernizza s-settur marittimu tagħha. Billi ninvestu fit-teknoloġija avvanzata u nsaħħu l-kollaborazzjoni internazzjonali, qed niżguraw ibħra aktar siguri u futur aktar sostenibbli għall-industrija marittima tagħna. Dan kollu huwa kruċjali biex Malta tibqa’ ċentru ta’ eċċellenza fis-settur Marittimu tal-Mediterran.” Huwa żied jgħid li dan il-proġett huwa wieħed minn sensiela t’investimenti riċenti fis-settur marittimu, fosthom is-sistema tal-Onshore-Power-Supply (OPS) kif ukoll il-bini mill-ġdid ta’ mollijiet bħal dak ta’ Buġibba.
“Dawn l-investimenti jagħtu lok biex it-trasport bil-baħar li huwa importanti ħafna għal pajjiżna, għaliex huwa s-sors li bih nagħmlu n-negozju ma’ pajjiżi oħra u nirċievu l-merkanzija għandna, issa ser ikollna sistema aktar avvanzata teknoloġikament biex nagħmlu monitoraġġ b’mod aktar effiċjenti u sostenibbli,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Kurt Farrugia, qal li “b’dan l-investiment, Transport Malta ser tkun tista’ tissorvelja aħjar l-ibħra Maltin b’kollaborazzjoni mal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), biex l-ibħra territorjali ta’ pajjiżna jkollhom protezzjoni sħiħa.”
Il-Kaptan Fritz Farrugia, Chief Officer u Harbour Master fi ħdan Transport Malta, spjega kif “bis-sistema tal-VTS u permezz tas-siti esterni li fihom għandna sistemi ta’ sensors, radars, AIS (Automatic Identification System) u VHF, inkunu f’pożizzjoni li naraw u nimmaniġġjaw l-movimenti tal-bastimenti fil-portijiet u t-territorju Malti biex b’hekk naċċertaw li l-vapuri jaslu fil-ħin u ma jkunx hemm dewmien fil-portijiet.”
L-operat tal-VTS f’Malta huwa maqsum fi tlieta:
Valletta VTS (VHF Channel 12): Responsabbli għall-monitoraġġ tal-movimenti tal-bastimenti fl-ibħra territorjali Maltin, inklużi l-Port il-Kbir u Marsamxett.
Marsaxlokk VTS (VHF Channel 14): Jamministra t-traffiku tal-bastimenti, ħafna minnhom merkantili, fiż-żona tan-naħa t’isfel ta’ Malta.
Mgarr Local Port Service (VHF Channel 10): Jissorvelja l-operazzjonijiet tal-port f’Għawdex, biex jiġi żgurat il-koordinament bla xkiel bejn il-vapuri tal-Gozo Channel u l-bastimenti iżgħar.
Lil hinn mill-operat lokali, iċ-ċentru tal-VTS f’Malta jipparteċipa b’mod attiv f’kollaborazzjonijiet internazzjonali, jieħu sehem f’eżerċizzji konġunti u jifforma sħubijiet ma’ pajjiżi ġirien biex itejjeb il-koordinazzjoni transkonfinali u r-rispons f’każ ta’ emerġenza. Dawn l-inizjattivi, flimkien mal-parteċipazzjoni f’forum marittimi globali, jiżguraw li Malta tibqa’ fuq quddiem fl-innovazzjoni u l-operat marittimu.