Post li bħalissa jinsab mitluq f’Ħaż-Żebbuġ se jinbidel fi ġnien u spazju miftuħ mill-isbaħ għall-familji. Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia waqt żjara li għamel f’dan il-proġett li ra l-bidu tiegħu ftit tal-jiem ilu.
“Dan huwa proġett ieħor minn MIsensiela ta’ proġetti li qed inwettqu bħala Gvern biex postijiet li bħalissa jinsabu mingħajr użu jinbidlu fi spazji ħodor u miftuħa għall-komunitajiet. Permezz ta’ dan il-proġett f’Ħaż-Żebbuġ, il-familji se jkollhom post mill-isbaħ ta’ rikreazzjoni fil-kampanja u fejn it-tfal jistgħu jilgħabu f’ambjent sigur. Barra minn hekk dan il-proġett ser jinkludi wkoll spazji għall-attivitajiet komunitarji biex verament inkomplu nagħmlu differenza pożittiva fil-lokalitajiet tagħna,” spjega s-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia.
Barra l-ispazji ħodor, dan il-ġnien se jinkludi wkoll basketball court u picnic areas. L-ilma tax-xita se jinġabar f’ġiebja kbira li se titħaffer taħt l-art sabiex tissupplixxi l-ilma għat-tisqija tas-siġar u l-pjanti tal-ġnien kollu. Ser tinħadem funtana ġdida tal-ilma fin-nofs u sistema ta’ dawl moderna biex ittejjeb il-viżibilità fil-ħinijiet ta’ filgħaxija. Se tiġi installata sistema ta’ CCTV cameras biex tiżdied is-sigurtà tal-post u kif ukoll sistema ġdida ta’ pannelli fotovoltajiċi li jiġġeneraw l-enerġija. Jikkumplimenta dan ix-xogħol ser isir restawr estensiv tal-ħitan eżistenti filwaqt li se titpoġġa għamara ġdida madwar il-post kollu.
Ser isir titjib ukoll tal-aċċessibbiltà għas-sit b’aċċess iktar sigur, fejn se tiġi installata pelican crossing fit-triq prinċipali li tagħti għal dan il-ġnien.
Is-Sindku tal-lokal Mark Camilleri rringrazzja lid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi għal dan il-proġett li ddeskrivieh bħala wieħed li se jagħmel differenza kbira f’din iż-żona ta’ Ħaż-Żebbuġ. Huwa qal li dan il-ġnien ilu mitluq għal għexieren ta’ snin u grazzi għall-intervent tal-Gvern issa ż-Żebbuġin se jkollhom post ieħor qalb in-natura fejn iqattgħu ħin mal-familji.