Inżommu d-distanza mid-dinja tal-interessi finanzjarji tal-ftit – ADPD

ADPD B’ Konferenza stampa fl-għeluq tal-kampanja elettorali mtella fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema

“Kif għamilna dejjem ser nibqgħu nżommu d-distanza tagħna mid-dinja tan-negozju u dan biex nassiguraw l-indafa fil-ħajja pubblika.” Dan qalu Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ ADPD-The Green Party huwa u jindirizza l-aħħar konferenza stampa tal-kampanja elettorali fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema
Mario Mallia, Deputat Chairperson u kandidat fuq it-2 u t-8 Distrett qal li l-għażla tal-ixkupa bħala s-simbolu tal-kampanja tagħna kien messaġġ ċar u qawwi. Kien ċar tant li darras lil uħud għax iwassal messaġġ li jinftiehem minn kulħadd. L-ixkupa hi s-simbolu ta’ min jaġixxi biex inaddaf. Irridu anke f’dan il-qasam ta’ tmexxija nadifa ngħaddu mill-kliem għall-fatti.
Kull politiku, qal Mallia, “għandu jkun kapaċi jmidd għonqu għax xogħol u jkun il-kennies tal-ħajja pubblika. Il-membri tal-parlament għandhom ikunu l-kenniesa tal-politika, determinati li jnaddfu, jħarsu l-integrità tal-ħajja pubblika u jassiguraw li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa f’waqthom, mingħajr tkaxkir tas-saqajn.”
Sandra Gauci, Deputat Segretarju Ġenerali u kandidat fuq is-6 u t-12-il Distrett tkellmet fuq l-għoli tal-ħajja. Hija emfasizzat li kull xahar dan il-piż qed jagħfas l-isfel lill-batut li l-uniku kapriċċ li baqgħalu hu li jitrejjaq. Il-gvern m għandux kontroll dwar x’ jiġri barra imma għandu kontroll dwar x’ jiġri Malta.
“Minn hawn nitolbuh rispett lejn il-poplu f’dan iż-żmien diffiċli għad-dinja u għal Malta. Meta l-ħaddiem bil-paga qed tara kif se jkampa, fl-istess ħin jkollok nies qrib il-ministri li jisolħu pagi fenomenali, jew inkella jieklu b’erbat iħluq! Flok ma juru galbu lejn il-flus tal-poplu qed jiffangaw filwaqt li l-ħaddiem onest li jaqlagħha u jiekolha qiegħed dejjem ikompli jitgħaffeġ. ADPD qed titolbu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja darbtejn fis-sena kif ukoll reviżjoni mill-qiegħ dwar kif tkun ikkalkulata l-paga minima. Fuq kollox irridu paga diċenti bi dritt, u mhux il-manna mis-sema fil-forma taċ-ċekkijiet waqt kampanja elettorali.”
Carmel Cacopardo, Chairperson u kandidat fuq ir-4 u d-9 Distrett emfasizza li l-ADPD mexxa ‘l quddiem politika ibbażata fuq il-konsistenza, l-onestà u l-indafa fil-ħajja pubblika.
“Kienet kampanja li fiha fittixna r-raġuni u d-djalogu flok il-konfront. Ir-raġuni flok l-emozzjoni. Il-manifest elettorali ta’ ADPD jittratta numru mhux żgħir ta’ proposti li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini tagħna. Mhux manifest ta’ Father Christmas iqassam ir-rigali imma hu preżentazzjoni ta’ viżjoni li rridu nimxu fuqha.
Irridu Parlament etikament sensittiv: li japprezza l-imġieba korretta u ma jittollerax l-abbuż, ta’ kull xorta. L-aġenda tagħna hi li nkunu ta’ servizz għall-komunità kollha.
L-indafa fil-politika hi essenzjali. Mingħajr l-indafa ma nistgħux naħdmu sewwa. Aħna irridu li nkunu l-għodda għat-tiġdid tal-politika fil-pajjiż. L-ixkupa ħadra li tnaddaf. B’politika li tagħti servizz illum waqt li tkun attenta dwar l-impatti fuq għada” qal Cacopardo.
“Jekk irridu nagħmlu l-bidla mill-qiegħ li għandu bżonn dan il-pajjiż jeħtieġ li nħarsu lejn soluzzjonijiet differenti li mhux mibnija fuq is-sħubija siekta bejn partiti politiċi u d-dinja tal-flus. Kif għamilna dejjem ser nibqgħu nżommu d-distanza tagħna mid-dinja tan-negozju u dan biex nassiguraw l-indafa fil-ħajja pubblika. Il-bidla vera tista’ isseħħ jekk inħarsu ‘l quddiem lejn sħubija man-nies li lilhom irridu nservu. Min irid il-bidla jeħtieġ li jivvota għaliha – jivvota ADPD” temm jgħid Cacopardo.
Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna jista’ jibagħat email fuq : [email protected]