Ir-reġjun tan-Nofsinhar se jkun ir-Reġjun Kulturali għas-sena 2023

Tnieda l-proġett Reġjuni Kulturali, u l-ewwel programm kulturali għas-sena li ġejja se jittella’ mir-reġjun tan-Nofsinhar.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan il-proġett jimxi id f’id mal-Politika Nazzjonali dwar il-Kultura fejn ġie enfasizzat li l-kunsilli reġjonali u lokali ser jingħataw żieda b’responsabbiltà definita tal-istrateġiji kulturali reġjonali bbażati fuq il-prinċipji u l-għanijiet tal-politika nazzjonali fis-settur. Dan qed isir bil-ħsieb li l-arti u l-kultura għandhom rwol kruċjali fil-kisba ta’ żvilupp inklussiv u sostenibbli u jgħinu biex jagħtu ħajja ġdida lil-lokalitajiet tagħna, aktar u aktar meta meħuda fl-isfond ta’ bażi reġjonali. “Din il-politika tipprovdi prinċipji orizzontali li fuqhom huma bbażati strateġiji kulturali reġjonali f’kull qasam kulturali”, qal il-Ministru Bonnici u saħaq li dan il-proġett se jgħin biex ikun hemm il-parteċipazzjoni ta’ bosta nies fis-settur kulturali u artistiku, organizzazzjonijiet u sħab kreattivi fuq livell reġjonali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli spjegat li l-għan ewlieni li jiġi ċċelebrat reġjun kulturali huwa sabiex tiżdied u tissaħħaħ il-promozzjoni tal-kultura Maltija u l-wirt kulturali uniku tal-lokalitajiet. “Hekk inkomplu nħeġġu l-apprezzament lejn il-kultura Maltija u nkunu pass eqreb li nkomplu nippreservaw il-kultura Maltija għall-ġenereazzjonijiet ta’ warajna”, saħqet is-segretarju parlamentari.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Joyce Dimech spjegat li permezz tar-reġjun kulturali tas-sena għandna l-opportunità li nimplimentaw partijiet sostanzjali ta’ strateġiji kulturali tas-sitt reġjuni li se jkunu qed jiġu varati fl-aħħar ta’ din is-sena. Il-President tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar Jesmond Aquilina stqarr, “L-għan tagħna bħala reġjun tal-kultura hu dak li nkabbru u nsaħħu d-diversità kulturali billi ninkoraġġixxu l-involviment ta’ diversi komunitajiet u jissaħħaħ is-sens ta’ involviment lejn il-lokalitajiet fi ħdan ir-reġjun. Nemmnu li fir-reġjun diġà jsiru ħafna attivitajiet ta’ livell, u dawn kienu wkoll parti mill-mixja għaliex ir-reġjun tagħna ġie magħżul bħala reġjun kulturali.”
Kull reġjun, inkluż ir-Reġjun tan-Nofsinhar, jingħata finanzjament minn fondi ċentrali għall-ingaġġ ta’ manager kulturali u l-għażla tar-reġjun tan-Nofsinhar bħala reġjun kulturali għas-sena 2023 intlaħqet bi qbil bejn is-sitt reġjuni. Ir-reġjun tan-Nofsinhar se jingħata €250,000 mid-Direttorat għall-Gvern Lokali, Strateġija u Implimentazzjoni ta’ Policy fi ħdan il-ministeru biex imorru għall-finanzjament tas-sena kulturali, waqt li r-reġjun se jinvesti €25,000 mill-fondi tiegħu, bħala l-kontribuzzjoni tiegħu għall-istess għan.​