Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li din is-sena se tittella’ s-sitt edizzjoni tal-avveniment annwali ‘Science in the Citadel’, il-Ħadd 27 ta’ April 2025, mill-10am sas-6pm fl-inħawi taċ-Ċittadella, Għawdex. Dan filwaqt li stqarr li l-Ġimgħa 25 ta’ April se jiftaħ il-programm ‘Springtime in Gozo’ li se jibqa’ għaddej sat-18 ta’ Mejju, 2025.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Għal żmien ir-rebbiegħa, permezz tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-ministeru, ħejjejna programm b’saħħtu ta’ attivitajiet mifruxa fuq tliet ġimgħat, li fih varjetà ta’ avvenimenti li jenfasizzaw id-diversità kulturali u t-tradizzjonijiet tal-gżira tagħna. Fost l-attrazzjonijiet insibu l-kunċert Memorji, il-Festival tal-Logħob tan-Nar, il-Gozo Spring Fair u Qalb il-Frawli. Għal dawk li jħobbu x-xjenza, l-attività Science in the Citadel se tkun qed tibni fuq is-snin preċedenti u toffri esperjenza interattiva li tgħaqqad l-edukazzjoni mad-divertiment.”
Dan l-avveniment għandu l-għan li jippromwovi l-edukazzjoni u l-involviment tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) fost il-pubbliku u l-viżitaturi jistgħu jipparteċipaw f’esibizzjonijiet interattivi, attivitajiet hands-on, u dimostrazzjonijiet li juru l-aħħar riċerka xjentifika u innovazzjonijiet teknoloġiċi.
L-avveniment qiegħed jilqa’ fih parteċipanti minn kull sfera tax-xjenza. Din is-sena ukoll ser jkun hemm stands li qeghdin juru l-proċess ta’ 3D printing, stand oħra marbuta mar-Robotika mill-European Institute for Emerging Technologies, stand fuq l-Astronomija, u esibizzjoni oħra imtellgħa minn nisa li għamlu isem u karriera fi STEM.
Ma jonqsux diversi workshops, treasure hunt b’laqta xjentifika u kulturali, laqgħat ma’ riċerkaturi u esperti tal-industrija. Avvenimenti bħal ‘Science in the Citadel’ iqarrbuna iktar lejn id-dinja teknoloġika u xjentifika li issa aktar minn qatt qabel hija ta’ importanza kbira fil-għajxien tagħna.
Filwaqt li stieden lil kulħadd sabiex f’dan iż-żmien sabiħ tas-sena jżur Għawdex, il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-avvenimenti mħejjija għar-rebbiegħa huma xhieda tal-wirt kulturali vibranti ta’ Għawdex li jkompli jawgura tajjeb għas-sajf li ġej.
‘Science in the Citadel’ huwa festival b’xejn għall-familja kollha organizzat mid-Direttorat ta’ EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u li jattira viżitaturi minn madwar Malta u Għawdex. Għal aktar informazzjoni u biex jaċċessa l-programm tal-attivitajiet wieħed jista’ jżur https://eventsingozo.com/.