Waqt konferenza stampa fil-Marsa dalgħodu, iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo saħaq li s-sussidji li qegħdin jingħataw bħalissa fuq il-fuel u l-elettriku – li jaqbżu aktar minn miljun Ewro kuljum – mhux sostenibbli. Filwaqt li tibqa’ prijorità li tingħata għajnuna lil min jeħtieġha, dan għandu jsir b’mod sostenibbli għall-ġid ta’ kulħadd.
Dr Ralph Cassar Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party semma’ kif il-Prim Ministru iddikjara li ma kienetx ħaġa faċli li biex tara li is-sussidji ma jingħatawx lil min jiflaħ iħallas jew inkella jaħli. Kwalunkwe deċiżjoni f’dan ir-rigward qatt ma kienet se tkun faċli, sostna Cassar. Madankollu hemm il-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri neċessarji mill-aktar fis biex jitnaqqsu s-sussidji u biex minflok tingħata għajnuna diretta lil għandu bżonnha. Huwa dmir il-politiċi fit-tmexxija li d-deċiżjonijiet neċessarji u ġusti jittieħdu kemm jista’ jkun malajr.
Li kien ġie eliminat is-sussidju fuq il-fuel għal dgħajjes kbar kien pass fid-direzzjoni t-tajba: dan kien biss eżempju wieħed kif min jiflaħ iħallas kien qed jirkeb fuq dahrna. L-edukazzjoni, is-saħħa, it-transizzjoni urġenti lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u nodfa huma biss ftit eżempji ta’ fejn jistgħu jsiru investimenti diretti. “L-aħħar ħaġa li dan il-pajjiż għandu bżonn huwa inqas investiment f’dak li jista’ jwassal għal titjib fil-ħajja ta’ ġenerazzjonijiet futuri – edukazzjoni diċenti. Tabilħaqq, hemm bżonn aktar riżorsi u mhux inqas f’dan is-settur,” temm Cassar.
Carmel Cacopardo qal li jekk wieħed jillimita is-sussidji fuq il-fuel u l-elettriku jkun jista’ jalloka aktar fondi lejn dawk is-setturi tas-soċjetà u tal-ekonomija li l-aktar għandhom bżonnhom. Huwa saħaq li s-sussidju li qegħdin jingħataw bħalissa fuq il-fuel u l-elettriku – li jaqbżu aktar minn miljun Ewro kuljum – mhumiex sostenibbli. Madankollu, dawn is-sussidji jistgħu jitnaqqsu b’mod għaqli li jwassal biex setturi oħra jibbenefikaw.
Ngħidu aħna, tnaqqis tas-sussidji fuq il-petrol u d-diesel għandu jwassal għal inqas karozza fit-toroq tagħna u jħajjar aktar nies biex jużgħu it-trasport pubbliku li mix-xahar id-dieħel se jsir b’xejn. Dan għandu jwassal ukoll għal titjib biex is-servizz ikun wieħed aktar affidabbli u effiċjenti. Kif kien ġie indikat min-National Transport Master Plan, nofs il-vjaġġi li jsiru minn vetturi privati huma ta’ anqas minn kwarta u għalhekk it-trasport pubbliku huwa alternattiva xierqa. L-istess Master Plan isemmi miżuri oħra li intesew bħala ngħidu aħna rotot ta’ prijorità għal karozzi tal-linja. Aħna nitolbu ukoll aktar minn hekk: nesiġu li tiġi introdotta sistema ta’ Bus Rapid Transit, u toroq aktar sikuri għal trasport nadif bħal roti, pedelecs u scooters. Dil-ġimgħa hija l-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità – tassew għandna ħafna x’naqdfu f’dal-pajjiż biex naslu għal mobilità sostenibbli.
Dawk is-setturi ekonomiċi li huma dipendenti ħafna fuq l-użu tal-petrol jew id-diesel jistgħu jiġu mgħejuna direttament b’assistenza speċifika li tikkonsidra dawk il-ħtiġijiet. Dan jista’ japplika ukoll fil-każ tal-elettriku. Filwaqt li l-użu bażiku domestiku għandu jibqa’ issussidjat, l-għajnuna lin-negozji u lill-industrija għandha tingħata skond it-tip ta’ attività u il-bżonnijiet tagħha. Il-flus minfuqa fuq is-sussidji jistgħu jiġu investiti aħjar fi programmi ta’ enerġija effiċjenti u rinnovabbli.
Cacopardo tenna l-importanza ta’ żieda fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli. “Għandu jkun hemm aktar enerġija rinnovabbli bis-saħħa ta’ użu aħjar tal-bjut tal-binjiet pubbliċi filwaqt individwi għandhom ikun imħeġġa jagħmlu l-istess.
“Filwaqt li tibqa’ prijorita’ li tingħata għajnuna lil min jeħtieġha, dan għandu jsir b’mod sostenibbli għal ġid ta’ kulħadd – miljun Ewro u aktar kuljum f’sussidju żgur li mhuwiex!” temm Cacopardo.