Bħala individwi dejjem emminna li jekk hemm minn tal-inqas persuna WAĦDA ġenwina b’integrità f’xi entità bħal fi ħdan xi Kunsill Lokali, f’Rappreżentanza Distrettwali jew persuna li tokkupa kwalunkwe rwol ta’ Gvern jew f’Oppożizzjoni, allura din il-persuna dejjem kellha kapaċita bis-sħiħ li ddawwar il-mejda għall-aħjar interess ta’ kull resident – madankollu mhux qed naraw il-potenzjal sħiħ ta’ diversi rappreżentanti fejn huma konnessi ma’ jew fejn tidħol il-Belt Valletta.
F’lokalitajiet oħra, ħafna drabi nisimgħu u naraw każijiet fejn rappreżentant wieħed li fis-sempliċita’ tiegħu joħloq preċedent fil-lokalità rispettiva tiegħu kemm jekk il-kwistjoni jew l-kunflitt ikun inħoloq minn kwalunkwe Gvern (Passat, Preżent jew Futur) jew mis-Settur Privat.
Kull min jiġi elett għandu d-dmir u l-awtorità li jitkellem, jaġixxi u jwettaq ir-riżultati f’isem dawk li tellawh – is-siġġu fil-Governanza Lokali tipprovdilek kull potenzjal, pero’ din il-fiduċja tista’ ssaħħaħ il-prinċipji ta’ dak li ġie elett, jew inkella tista’ tikxef il-maskra ta’ l-individwu li sserva jew inqeda bit-titlu u bil-fiduċja li ngħatalu.
Il-Belt Valletta flimkien ma’ uliedha l-Beltin ta’ spiss gew ikkonfrontatti b’nuqqasijiet matul il-mgħedda tas-snin iżda llum il-ġurnata qed jiġu kkonfrontatti b’nuqqasijiet u sfidi ġodda li qed jiksrulhom id-dinjita’, itellfulhom ir-rispett u titneħħilhom il-validità bħala ċittadini.
Nibdew billi insemmu illi spiċċajna fi stadju fejn residenti ma jsibux parkeġġ allura jispiċċaw jeħlu multa, fejn jekk residenti ikollhom viżitaturi bħal qraba tal-familja dawn ma jsibux parkeġġ allura r-residenti jiġu iżolati soċjalment u fejn ir-residenti meta jirnexxilu issib parkeġġ liberu minn vettura oħra jispiċċa issib parkeġġi okkupati minn kull tip ta’ ostaklu/żgombru.
Għandna wkoll każijiet fejn issib vetturi pparkjati quddiem il-bieb tan-nies, fejn jgħalqu l-aċċessibilta’ u l-passaġġ bejn il-bieb u l-bankina – hekk sew?
Bosta parkeġġi residenzjali tneħħew għax il-Kunsill Lokali ikun ħa vot unanimu, jew b’maġġoranza favur it-tneħħija ta’ parkeġġ … jew tnejn.
Hawn membri tal-Kunsill fejn jiddefendu ruħhom billi jgħidu li żdiedu l-parkeġġi għar-residenti, iżda fil-verita dawn il-parkeġġi ġew rilokati…
Mistoqsija; jekk bniedem għandu Għaxar Ewro, karta ta’ Ħames Ewro fil-but tal-qmis, u karta ta’ Ħames Ewro oħra fil-but tal-qalziet; xorta Għaxar Ewro għandu, mhux hekk? Konna ressaqna proposta ta’ Inventorju tal-Parkeġġi kollha, iżda dan ma twettaqx, għaliex? Għaliex ma jaqblux milli jinħoloq inventorju?