Fi stqarrija l-ADPD qalu li l-kummenti li ta l-Ministru tat-Trasport Aaron Farrugia ftit tal-jiem ilu, li fihom ipprova jirredikola l-proposti tal-NGO Rota.mt li taħdem favur bidla lejn trasport aktar sostenibbli, jixhed nuqqas kbira ta’ viżjoni, ta’ rieda politika u ta’ għarfien mill-Gvern fejn tidħol politika moderna dwar it-trasport u l-mobilità f’pajjiżna. Il-Ministru sfortunatament għadu ma’ ndunax li qed jipprattika l-politika tat-trasport li falliet fl-Ewropa fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet – altru milli ‘politika moderna’.
“Assolutament mhux veru li bini ta’ flyovers, inkluż il-konfużjoni preżenti ħdejn l-ajruport kif ukoll dak propost f’nofs l-Imsida, u twessiegħ ta’ toroq bl-addoċċ hija s-soluzzjoni għal ‘effiċjenza’ fil-mobilità. Minn fejn qed iġib dawn l-ideat żbaljati l-Ministru? Effiċjenza fil-mobilità fis-sena 2022 tfisser toroq urbani aktar sikuri, b’inqas traffiku fihom, aktar toroq urbani pedestrijanizzati u riservati għat-trasport pubbliku u mezzi alternattivi bħar-roti u roti elettriċi, bicycle super-highways li jgħaqqdu l-istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji mal-irħula u l-ibliet tal-madwar, toroq sikuri madwar l-iskejjel kollha, u aktar spazju għar-roti, roti elettriċi, u għal sistema Bus Rapid Transit tul l-arterji prinċipali kollha, biex dawn joffru traġitt sikur lejn ħafna postijiet ċentrali f’Malta u Għawdex.”
“Il-mira tagħna għandha tkun għal żoni kbar fl-irħula u l-ibliet mingħajr karozzi – bħal ma naraw f’diversi bliet Ewropej. L-ispazju kbir li jieħdu l-karozzi, parti kbira minnu għandu jgħadid lura lejn in-nies, ir-roti u t-trasport pubbliku, u jintuża biex it-toroq isiru isbaħ permezz ta’ programm ta’ tħawwil professjonali ta’ siġar fit-toroq urbani. Il-kwalità tal-ħajja tagħna hekk titlob, inkella se nibqgħu magħrufin bħala l-pajjiż tal-kruha u t-traskuraġni.”
Dan qalu s-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party, Dr Ralph Cassar. “Huwa fatt dokumentat li t-trasport huwa sors ewlieni emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tniġġis ieħor perikoluż f’Malta. Nofs l-enerġija kunsmata filfatt tintuża għal mezzi tat-trasport. Dan għax il-politika ta’ gvern wara ieħor kienet u għadha ċċentrata fuq il-karozzi minkejja li d-distanzi f’Malta huma żgħar. Bħal f’ħafna każi l-Gvern jitkellem fuq l-emerġenza klima imma fil-qasam tat-trasport jaġixxi kontra l-klima, kontra l-ambjent u kontra l-interessi vera tan-nies.”
Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo qal li l-fatt li skont in-National Transport Master Plan 2025 iffinanzjat mill-UE u kummisjonat mill-Gvern nofs il-vjaġġi f’Malta huma ta’ inqas minn kwarta (Transport Masterplan) suppost jagħmilha aktar faċli biex il-Gvern iħajjar bidla fil-mod ta’ trasport u jiffaċilità u mhux itellef lil min jitħajjar juża mezzi alternattivi tat-trasport. It-toroq huma ta’ kulħadd u għandhom jiġu disinjati biex jagħtu l-ispazju mistħoqq lil min sa issa huwa mkeċċi mit-toroq perikolużi li għandna. Filfatt, eżempju wieħed ta’ miżuri fir-rapport li l-Gvern qed jinjora hija ‘bus corridors’ u aktar spazju fit-toroq għat-trasport pubbliku. Ir-rapport jgħid iswed fuq l-abjad: “data shows that about 50% of trips are under 15 minutes illustrating that mobility is produced at a local level on very short paths. This therefore creates the opportunity to increase the modal share for walking and cycling.”
“Iż-żmien tar-rapporti spiċċa għax id-data li għandna bżonn diġà teżisti. L-azzjoni iżda hija nieqsa minħabba l-ostakolu kbir ta’ politiċi li tul is-snin għażlu li ma jmexxux ‘il quddiem politika li tbiddel, tirriforma l-qasam tat-trasport u tat-toroq. Politiċi li għażlu li jippromwovu l-vjaġġar bil-karozzi u jżidu t-toroq iddisinjati ħażin, minflok li jippromwovu meżżi differenti u irħas ta’ trasport.”
“Din it-tip ta’ politika hija frott ta’ sistema ta’ parlament iddominat minn żewġ partiti. Il-pluralità ta’ ilħna politiċi fil-parlament twassal għad-daqqa mortali għal din it-tip ta’ politika skaduta li tipprova tingħoġob billi tippreserva l-istatus quo. Mhux ta’ b’xejn il-partiti fil-parlament jikkupjaw il-policies ta’ xulxin u jirreżistu riformi fis-sistema elettorali”, ikkonkluda Cacopardo.