Il-proġett tal-flyover konness ma din il-bypass huwa xhieda oħra ta’ kemm il-politika tat-trasport saret skjava tal-karozzi. Id-dipendenza tagħna lkoll fuq il-karozzi privati hi rifless tal-fatt li tul is-snin, gvern wara l-ieħor ma rnexxielux b’mod prattiku jieħu miżuri favur il-mobilità sostenibbli.
Dan intqal minn Carmel Cacopardo Chairperson ta’ ADPD-The Green Party li flimkien ma Sandra Gauci, Deputat Segretarju Ġenerali tal-partit indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fuq il-pont li jaqsam il-bypass tal-Imrieħel.
Sandra Gauci qalet li il-qerda dejjem tiżdied ta’ art agrikola hija ta’ theddida għall-għajxien tal-bdiewa u l-familji tagħhom. Thedded il-provvista’ ta’ ikel lokali u l-ftit spazji miftuħa li baqa’. Tipperikola ukoll fondi Ewropej immirati għall-agrikoltura u li huma dipendenti fuq strateġija ċara favur dan is-settur.
Għalkemm il-Partit Laburista wiegħed nefqa ta’ €700m għat-tħaddir taż-żoni urbani tagħna, ma jagħmilx sens li fl-istess waqt l-ispazji ħodor li għad fadlilna jkomplu jitnaqqru bi żvilupp ta’ kostruzzjoni u twessiegħ ta’ toroq.
Dan il-proġett tal-Imrieħel sejjer jeqred wieħed mill-aħħar pulmuni ħodor ta’ Ħal Qormi u jwassal għal qerda ta’ 20 tomna (madwar 22,500 metri kwadri) t’art agrikola. Barra minn hekk, sejjer jeqred ġibjun kbir tal-ħażna tal-ilma kif ukoll li jinqalgħu minn posthom numru ta’ siġar protetti taż-żebbuġ u tar-rummien li xi uħud minnhom ilhom hawn għal mijiet ta’ snin.
Dan huwa proġett ieħor ta’ twessiegħ tat-toroq li mhu se jwassalna imkien għaliex it-traffiku li suppost se jkun jista’ jgħaddi minn hawn b’mod aktar faċli se jeħel fir-roundabout ta’ Ħal Qormi. Dan il-ġenn għandu jitwaqqaf immedjatament, ikkonkludiet Gauci.
Carmel Cacopardo qal li l-għażla politika konnessa ma dan il-proġett hi jekk għandniex nagħmlu sagrifiċċju favur il-karozzi inkella sagrifiċċju favur il-biedja. Hu possibli ngħaddu mingħajr iktar karozzi fit-toroq. Il-biedja qed taqla’ daqqa wara l-oħra, impatt li fl-aħħar mill-aħħar jinħass minn kulħadd.
Wara li smajna ħafna kliem dwar l-ispazji miftuħa u mhux imniġġsa quddiemna għandna spazju miftuh użat għall-agrikultura li jridu jagħtuh lill-karozzi. Qed jgħidulna li hawn il-periklu u hu veru dan. Is-soluzzjoni mhux li nżidu l-karozzi imma li innaqqsu l-karozzi mit-toroq, sostna Cacopardo.
Il-Ministru l-ġdid tat-toroq, ftit ġimgħat ilu kien Ministru tal-Ambjent. Jidher li nesa dak li seta’ tgħallem meta kien f’dik ir-responsabbiltà. Nissuġġerulu li jaqra ftit l-istrateġija nazzjonali dwar it-trasport li tgħidlu bl-iswed fuq l-abjad li f’dawn il-gżejjer 50 fil-mija tal-vjaġġi bil-karozzi privati nagħmluhom għal distanzi qosra. X’ċertifikat ikbar jonqos li l-politika dwar it-trasport fil-pajjiż tul is-snin falliet?
Irridu nħajjru lin-nies jużaw iktar it-trasport pubbliku mhux inkomplu narmu r-riżorsi f’iktar toroq li jkomplu jeqirdu l-ftit biedja li fadal. Il-fieri favur il-biedja, waħedhom mhux biżżejjed. Jeħtieġ li l-biedja tkun imħarsa bis-serjetà, temm Cacopardo.