Jean-Luc Mélenchon b’voti ras imb’ras ma’ Macron

Inqas minn xahrejn wara li ġie elett mill-ġdid, Emmanuel Macron qed jiffaċċja l-prospett ta’ presidenza mċajpra minħabba żieda qawwija fl-appoġġ lejn Jean-Luc Mélenchon li jagħmel parti mil-politika tax-xellug estrem .
Skont riżultati uffiċjali, l-alleanza tax-xellug NUPES appoġġjata minn Mélenchon hija viċin ħafna mal-Ensemble ta’ Macron! B’ koalizzjoni, 25.66 fil-mija u 25.75 fil-mija, rispettivament, fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni parlamentari tal-pajjiż nhar il-Ħadd.
Il-votazzjoni għall-elezzjoni tar-rappreżentanti fl-Assemblea Nazzjonali, issir f’żewġ rawnds, bil-biċċa l-kbira tas-siġġijiet se jiġu deċiżi f’vot nhar il-Ħadd li ġej.
 Il-president jeħtieġ 289 siġġu biex jikseb maġġoranza assoluta u jkun jista’ jkompli bil-programm  ta’ riformi. Bħalissa, il-koalizzjoni tiegħu għandha 345 siġġu u l-projezzjonijiet juru li mhux biss se jitlef ħafna minn dawn, iżda jinsab ukoll f’riskju li jitlef il-maġġoranza tiegħu.
l-istitut tal-votazzjoni Ipsos qed jbassar li l-koalizzjoni ta’ Macron se tikseb minn 255 sa 295 siġġu, b’150 sa 190 jmorru għan-NUPES.