F’dawn l-aħħar snin pajjiżna kiber sewwa fis-settur tal-istartups. Dan hekk kif għat-tieni sena konsekuttiva, Malta żammet ir-raba’ post fost l-aqwa destinazzjonijiet għall-istartups innovattivi fl-Ewropa, skont rapport tal-Europe Startup Nations Alliance (ESNA).
Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, waqt l-iSpring Meetup – avveniment imtella’ mill-Malta Enterprise li matulu ngħata bidu għall-preparamenti tal-ħames edizzjoni tal-iStartup Festival li se jsir f’Ottubru.
Il-Ministru Schembri rringrazzja lil Malta Enterprise li tibqa’ entità ewlenija għall-għajnuna li tipprovdi lill-istartups, permezz fost oħrajn ta’ skemi li toffri. Matul dawn l-aħħar ħames snin ġew megħjuna madwar 190 startup permezz ta’ skemi varji fosthom: B-Start u Startup Finance. “Il-fatt li l-pagi medji fl-istartups huma ta’ madwar €45,000, ferm ogħla mill-medja nazzjonali, turi l-impatt u l-potenzjal ekonomiku li għandhom l-istartups. Irridu li aktar nies jersqu lejn dan is-sens intraprenditorjali u aħna se nkunu hemm warajhom bl-entitajiet tagħna lesti li ngħinuhom,” qal il-Ministru Schembri.
Minbarra l-Malta Enterprise fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija hemm sinerġija ma’ entitajiet oħra fosthom, MDIA u l-ftuħ ta’ dihubmt – post mgħammar bl-għodod kollha possibbli li startup għandhom bżonn, Gaming Malta u Basecamp – post li jilqa’ startups fil-qasam tal-igaming, video game development u esports u fuq kollox il-Malta Venture Capital Fund, l-ewwel venture capital f’pajjiżna, li llum, sena wara, akkredita 21 investitur privat u approva għajnuna lil erba’ startups.
“L-ekosistema tal-istartups se tibqa’ tiġi msaħħa permezz ta’ incubation centre f’Ħal Far, binja f’post strateġiku li se twassal l-istartups aktar viċin il-manifattura u industrija stabbilita. Dan l-investiment ta’ €33 miljun se jkun qed jgħin madwar 50 startup fil-qasam tal-enerġija rinovabbli, MedTech, microelectronics u smart manufacturing. Dan kollu fuq kollox jorbot mal-viżjoni li għandu dan il-pajjiż għas-snin li ġejjin, għall-ġenerazzjoni li ġejja. Permezz ta’ ppjanar strateġiku, se nkomplu ninvestu fil-familji u n-negozji, ninkoraġixxu l-innovazzjoni u s-sens ta’ intraprenditorija biex nibqgħu nsaħħu l-ekonomija Maltija u nibqgħu nixprunaw l-innovazzjoni,” qal il-Ministru Schembri.
Min-naħa tiegħu, George Gregory, Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, qal li l-iStartup Festival sar parti essenzjali mill-ekosistema intraprenditorjali f’pajjiżna, iservi bħala katalista għall-innovazzjoni, fosthom billi jgħin lill-istartups jingħaqdu mal-investituri u jkomplu jikbru. “Aħna kburin b’dak kollu li ksibna s’issa u nħarsu ‘l quddiem għal aktar stejjer ta’ suċċess fis-snin li ġejjin.”
L-iStartup Festival ta’ din is-sena se jkun qed jittella’ bejn it-23 u l-24 ta’ Ottubru.