Jiġu ffirmati żewġ ftehimiet kollettivi li se jaraw titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE)

Fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u tas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, ġew iffirmati żewġ ftehimiet kollettivi ġodda li se jaraw titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE).
Dawn il-ftehimiet ġew iffirmati mis-Segretarju tat-taqsima tal-GWU, Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Kendrick Bondin, f’isem il-ħaddiema, u minn Renee Laiviera, Kummissarju tal-NCPE.
Permezz ta’ dak maqbul se jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet u fil-pagi tal-ħaddiema, kemm dawk f’karigi maniġerjali u anke ħaddiema f’irwoli oħrajn.
Dawn il-ftehimiet huma b’effett mill-1 ta’ Jannar li għadda u huma validi sal-2024.
F’kumment, il-Ministru Byron Camilleri esprima sodisfazzjon għal dak maqbul u saħaq li din il-kummissjoni għandha rwol kruċjali sabiex mhux biss tkun promossa l-ugwaljanza fil-livelli kollha tas-soċjetà li ngħixu fiha, iżda fuq kollox biex kull persuna tkun taf id-drittijiet u l-obbligi tagħha. “Huwa importanti li bħala gvern nibqgħu nassiguraw li din l-entità tibqa’ tiġi msaħħa u l-ikbar għodda biex nagħmlu dan huwa proprju billi ninvestu fil-ħaddiema,” temm jgħid Dr Camilleri.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet li se jkomplu l-ħidma sabiex jaraw li l-ħaddiema jingħataw dak kollu li jeħtieġu biex ikunu aktar effiċjenti fix-xogħol li jagħmlu, b’pakkett finanzjarju li jirrifletti din il-ħidma.
“Il-kummissjoni hija entità li ta’ kuljum taħdem sabiex tassigura li l-valuri ewlenin tal-ugwaljanza jkunu mħarsa u promossi għal kulħadd, għaldaqstant dan il-ftehim se jkompli jgħin sabiex tissaħħaħ il-ħidma tagħha lejn soċjetà ġusta u ugwali”.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Emmanuel Psaila.​