Jinkixfu fdalijiet ta’ struttura preistorika fi Xrobb l-Għaġin fi proġett li hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu

Ġew identifikati u bdew jinkixfu fdalijiet ta’ struttura preistorika fi Xrobb l-Għaġin, aktar minn mitt sena mill-ewwel investigazzjonijiet li kienu saru fuqhom. Il-fdalijiet se jiġu dokumentati u studjati u, jekk l-istudji juru li huwa possibbli, xi partijiet jistgħu anke jiġu maqlugħa biex ma jintilfux mal-irdum li jinsabu fuqu u li qiegħed iċedi. Dan huwa proġett partikolari li x-xorta tiegħu Malta qatt ma rat.
Tagħrif dwar il-proġett ingħata f’konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post, indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici; il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit; u Vincent Attard f’isem Nature Trust, li hija l-entità li għandha f’idejha t-tmexxija tal-Park ta’ Xrobb l-Għaġin li minnu jifforma parti s-sit.
Il-Ministru Owen Bonnici tenna kif din tal-lum hija ħolqa oħra minn ħidma sħiħa li twassal biex tingħata tifsira ġdida ta’ aktar aċċessibbiltà għall-patrimonju Malti. Dr Bonnici faħħar id-dedikazzjoni tal-ħaddiema u spjega kif il-proċess sabiex sit jiġi skavat, mingħajr ma l-fdalijiet u l-ħaddiema jitpoġġew f’periklu, kien wieħed ikkumplikat. Dan juri biċ-ċar id-dedikazzjoni u l-professjonalità tal-ħaddiema.
Noel Zammit iddeskriva l-proġett ta’ Xrobb l-Għaġin bħala wieħed ambizzjuż li għal darba oħra qed jagħmel ġieħ lill-ħila u l-esperjenza li għandhom il-ħaddiema ta’ Heritage Malta fl-oqsma rispettivi tagħhom u li jpoġġu lill-aġenzija fuq quddiem nett fis-settur tagħha. Huwa fakkar ukoll fil-fażijiet preċedenti ta’ dan il-proġett, fejn kienu saru studji fil-fond li għenu biex iż-żona ta’ riċerka tiġi identifikata aktar bir-reqqa u li kienu jinkludu remote sensing, studji ġeoloġiċi u studju ta’ qiegħ il-baħar.
Vincent Attard qal li Nature Trust hija kuntenta ħafna li dan is-sit importanti għall-istorja ta’ pajjiżna jinsab proprju f’dan il-park pubbliku. Huwa kompla li, “Il-fdalijiet li se jiġu salvati se jkunu wkoll esposti għall-mijiet ta’ nies li se jżuru dan il-park li għandu għan rikreattiv u edukattiv. It-tir hu li x-xogħol kollu jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena biex dan il-post jerġa’ jitgawda mill-pubbliku bla ħlas.”