Jissaħħu r-regolamentazzjoni tas-saħħa u sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni ilu għal aktar minn sena jwettaq miżuri u regolamentazzjonijiet li jsaħħu s-saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol, b’mod partikolari fuq is-siti ta’ kostruzzjoni. Dawn ir-riformi kienu elenkati fid-dettall ukoll fir-rapport maħruġ mill-Gvern sena wara l-Inkjesta Sofia, liema rapport kien ukoll dibattut fil-Parlament.

Il-ministeru jxejjen għal kollox l-informazzjoni skorretta fl-istqarrija tal-Oppożizzjoni li r-riforma li saret fl-att li jirregola s-saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol kienet nofs sajran u b’diversi nuqqasijiet. Il-Gvern mhux biss kellu l-kuraġġ jirriforma s-settur wara aktar minn 20 sena ta’ kompjaċenza, iżda wkoll wettaq konsultazzjoni pubblika b’djalogu kontinwu mal-istakeholders kollha prinċipali, li huma stess laqgħu u rrikonoxxew l-avvanzi li saru f’dan il-qasam.

Din il-konsultazzjoni wasslet sabiex dawn ir-regolamenti l-ġodda jagħtu qafas ta’ responsabbiltajiet aktar ċari lil dawk involuti fis-siti ta’ kostruzzjoni, jikkjarifikaw aspetti legali li kienu diġà fis-seħħ, jistabbilixxu protezzjoni lill-Project Supervisors waqt il-qadi tal-funzjoni tagħhom, filwaqt li jirrikonoxxu l-kompetenza rikjesta mil-liġi sabiex issir il-ħatra tal-istess project supervisors.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni filwaqt li jilqa’ l-interess u s-suġġerimenti li qed tressaq l-Oppożizzjoni, itenni li dawn r-regolamenti saru b’diskussjoni wiesgħa mal-Malta Occupational Safety and Health Practitioners Association (MOSHPA), il-Union of Health and Safety Practitioners (UHSP) u l-Malta Developers Association (MDA), kif ukoll mal-Bord tal-istess Awtorità li jilqa’ fih rappreżentanza wiesgħa. Dawn id-diskussjonijiet wasslu wkoll biex illum l-Awtorità għandha strument amministrattiv li jirregola r-reġistru tal-persuni kompetenti fis-saħħa u s-sigurtà, u għaldaqstant għall-kontra ta’ dak mistqarr mill-Oppożizzjoni, il-Gvern u l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq ix-Xogħol diġà tirrikonoxxi l-professjonijiet tal-Health and Safety Practitioners. Fl-istess waqt, il-Gvern għaddej ukoll bi djalogu mal-Malta Chamber of Construction Management biex ikunu esplorati modi kif din il-professjoni tista’ tkompli ssaħħaħ is-settur tal-kostruzzjoni.

Fiż-żmien ta’ tranżizzjoni sakemm dawn ir-regolamenti jidħlu fis-seħħ, l-OHSA għaddejja b’kampanja ta’ edukazzjoni u tagħrif ma’ dawk involuti, sabiex nassistu lill-industrija sabiex jaddattaw mar-rekwiżiti l-ġodda, u li għandhom jgħollu l-livelli ta’ saħħa u sigurtà f’dan is-settur importanti.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja jinnota kif fost l-emendi li ressqet l-Oppożizzjoni hemm uħud li diġà qed iseħħu inkluż l-iskillcards li qed tinħareġ f’kollaborazzjoni mal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), l-obbligu ta’ ħatra ta’ project supervisor mill-istadju inizjali u fin-nuqqas ta’ dan ma jkunx jista’ jinbeda x-xogħol, definizzjonijiet aktar b’saħħithom u saħansitra l-preżentazzjoni ta’ rapport annwali mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà. Madanakollu, u kif sar b’kull tibdil leġiżlattiv li ressaq ‘il quddiem il-Gvern, il-ministeru ser ikun qed jixtarr il-proposti mressqa u jsaħħaħ fejn meħtieġ.​