Għas-seba’ sena konsekuttiva, iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza Esplora nieda programm edukattiv ġdid għall-iskejjel. Permezz ta’ dan il-programm mimli attivitajiet u l-metodi ta’ tagħlim li Esplora jħaddan, se tkompli titqanqal il-passjoni lejn is-suġġetti tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM).
Il-programm edukattiv għall-iskejjel, li huwa indirizzat għall-istudenti mill-klassijiet tal-kindergarten ’il fuq, jinkludi diversi opportunitajiet imħallta ta’ tagħlim permezz ta’ attivitajiet ta’ xjenza, workshops hands on, kif ukoll esperjenzi fil-Planetarium. Filwaqt li l-programm jorbot mal-kurrikulu u mas-sillabi, jipprovdi diversi opportunitajiet għall-istudenti biex irawmu l-ħiliet u l-kompetenzi tas-seklu 21 permezz tax-xjenza.
Il-programm ta’ din is-sena jkompli jibni fuq il-programmi tas-snin preċedenti u għandu wkoll diversi innovazzjonijiet, fosthom żewġ shows interattivi ġodda għall-istudenti fl-iskejjel tal-primarja.
It-tnedija tal-programm saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti u miċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Dr Jeffrey Pullicino Orlando.
“Bħala gvern qed naħdmu biex aktar studenti jagħżlu suġġetti STEM, anke permezz tat-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-settur formali u dak mhux formali – u wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ Esplora huwa wkoll li l-istudenti fil-livell ta’ Sena 8 jagħżlu aktar suġġetti STEM. Ir-riżultat finali huwa li dan il-programm jgħin ukoll biex iħarreġ, ħalli jkollna aktar studenti li jkunu kapaċi jidħlu f’tagħlim prattiku u b’esperjenza, u jaħdmu permezz tal-proċess kreattiv,” sostna l-Ministru Clifton Grima.
Il-Ministru Grima tenna li fil-ħidma tiegħu fis-settur edukattiv qed jara li l-istudenti jingħataw l-aktar opportunitajiet possibbli biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom, opportunitajiet li jmorru wkoll lil hinn mill-kurrikulu li jitgħallmu fl-iskejjel u li jingħataw minn età bikrija.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li, “Illum qegħdin inniedu dan il-programm skolastiku ġdid fejn it-tfal se jedukaw ruħhom u jieħdu gost b’attivitajiet immirati għal tfal ta’ kull età, minn dawk li jattendu l-kindergarten għal oħrajn akbar; b’diversi logħob interattiv u hands-on li jinkludi s-suġġetti tax-xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika: l-iSTEM. Grazzi għall-ftehim (MOU) iffirmat is-sena li għaddiet, qegħdin noffru s-servizz ta’ trasport b’xejn lil kull skola tal-Istat sabiex inkomplu nħeġġu t-tagħlim tax-xjenza fost l-istudenti minn età żgħira.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal li dan l-avveniment qed jiċċelebra s-sinerġija bejn l-edukazzjoni formali li joffru l-iskejjel u dik mhux formali li joffri ċ-Ċentru Esplora. Huwa sostna li ċ-ċentru Esplora jaħdem qatigħ biex iqarreb aktar ix-xjenza u r-riċerka lejn il-pubbliku permezz ta’ bosta inizjattivi u attivitajiet li joħolqu interess, kurżità u juru r-rilevanza tas-suġġetti STEM fil-ħajja ta’ kuljum, fil-karrieri u għall-inklużjoni soċjali. “Ninsab ċert li sinerġiji bħal din tal-lum se jkomplu jsaħħu l-kisbiet tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Din il-ħidma hija eżempju ta’ kif f’Malta qed isiru sforzi kollettivi biex is-settur tax-xjenza u t-teknoloġija jkompli miexi ’l quddiem,” temm jgħid Dr Pullicino Orlando.
Il-programm edukattiv huwa aċċessibbli onlajn fuq is-sit elettroniku www.esplora.org.mt.