Kampjuni tal-MonkeyPox fil-fluwidu seminali

Il-bieraħ waqt konferenza għall-istampa, uffiċjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) mir-reġjun Ewropew qalu li qed jinvestigaw jekk rapporti mill-Ġermanja u l-Italja—li wrew li numru żgħir ta’ pazjenti kellhom DNA tal-ġidri tax-xadini f’kampjuni tas-semen—jfisser li l-marda setgħet ġiet trażmessa sesswalment.
“Hija xi ħaġa li qed inħarsu lejha, iżda ma tbiddilx il-valutazzjoni tagħna rigward ‘trażmissjoni attwali li qed naraw bħalissa, li hija kuntatt dirett mall ġilda.” qalet Catherine Smallwood, PhD, il-maniġer tal-inċidenti tal-ġidri tax-xadini fl-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa.
Smallwood qalet li minħabba din l-iskoperta tal-virus fis-“semen”, pazjenti li jkunu rkuprati kompletament—jiġifieri l-qxur jkunu waqgħu u ġilda tkun tidher li fieqet— huwa rrakomandat li għadhom jintlibsu kondoms sa 12-il ġimgħa wara li l-persuna tkun fieqet.
Bħalissa l-Ewropa għandha 1,500 każ ikkonfermat f’ 25 pajjiż, li ħafna minnhom qatt ma kienu raw każ ta’ monkeypox matul din is-sena. Il-maġġoranza huma rġiel li kellhom sess ma’ rġiel oħra. Dan ħareġ waqt stqarrija minn Dr Hans Henri P. Kluge, Direttur Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa l-bieraħ.
“Dħalna fix-xhur tas-sajf , bit-turiżmu li jġib miegħu diversi avvenimenti fosthom festivals tal-“Pride”, festivals tal-mużika u laqgħat tal-massa oħra. Dawn l-avvenimenti huma opportunitajiet qawwija biex wieħed jimpenja ruħu ma’ nies żgħażagħ, b’mod attiv sesswalment . Il- “Monkeypox” mhix raġuni biex tikkanċella avvenimenti, iżda opportunità biex nisfruttawhom u imexxu l-impenn tagħna.” qal Kluge.