Kemm iridu jmutu nies fuq il-lantijiet tax-xogħol tal-kostruzzjoni,
biex l-Awtorità tal-Ippjanar tibda titgħallem tieħu
r-regolamentazzjoni tal-iżvilupp bis-serjetà? Dan staqsewh kelliema
ta’ ADPD-The Green Party waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem
l-uffiċini tal-Awtorità tal-Ippjanar fil-Furjana dwar it-tibdil li ġie
propost għall-proċeduri ta’ permessi tal-ippjanar b’mod simplifikat,
komunement magħrufa bħala permessi DNO.
Il-ġimgħa l-oħra ġie fi tmiemu perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika
dwar emendi għall-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp (DNO).
Bl-emendi proposti l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproponi li proġetti
urbani ta’ tħaddir (greening projects) li jsiru mis-settur pubbliku
jkunu eżenti mill-proċess kollu tar-regolamentazzjoni tal-iżvilupp.
Din l-eżenzjoni tinkludi proġetti li jkollhom proposti għal strutturi
u faċilitajiet mibnija.
Id-Deputat Chairperson ta’ ADPD-The Green Party il-Perit Carmel
Cacopardo, qal li din il-proposta tal-Awtorità tal-Ippjanar tinjora
r-rakkomandazzjoni tal-kummissjoni tal-inkjesta dwar il-mewt ta’
Jean-Paul Sofia fiż-żona industrijali ta’ Kordin. Infakkru li
fl-inkjesta li tmexxiet mill-Ombudsman jirriżulta li l-proċess ta’
ħruġ ta’ permess ta’ żvilupp simplifikat għal binja industrijali
permezz tad-DNO mill-Awtorità tal-Ippjanar kien wieħed mill-fatturi li
wassal għad-disgrazzja li riżultat tagħha miet Jean-Paul Sofia.
Dan sar minħabba li ftit li xejn hemm skrutinju ta’ żvilupp li jsir
wara li dan ikun approvat bil-proċess tad-DNO. Fil-fatt waħda
mir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-inkjesta kienet li l-iżvilupp
fiż-żoni industrijali jkun soġġett għall-iskrutinju sħiħ marbut
mal-proċess normali tal-applikazzjonijiet ta’ żvilupp. Il-proposta
tal-Awtorità tal-Ippjanar, żied jgħid Cacopardo, tfisser li se jkun
possibbli żvilupp ta’ strutturi u faċilitajiet ta’ kull qies bla
skrutinju pubbliku, kemm fiż-żona ta’ żvilupp kif ukoll barra minnha,
sakemm jistgħu b’xi mod ikunu assoċjati ma’ proġett ta’ tħaddir.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci qalet li t-tibdil
propost għall-proċeduri ta’ permessi tal-ippjanar se jwassal biex dawn
il-proġetti mhux se jkunu soġġetti għall-iskrutinju pubbliku. S jkun
diffiċli wkoll li jkunu regolati mill-awtoritajiet l-oħra. Skont
il-proċeduri applikabbli għad-DNO mhux se jkun possibli li l-pubbliku
jew għaqdiet ambjentali jirreġistraw oġġezzjonijiet għall-iżvilupp
propost, li kultant ikun biss taparsi proġett ta’ tħaddir. Lanqas m’hu
se jkun possibbli li jkun hemm appell mid-deċżjonijiet li jittieħdu,
kemm minħabba li fil-proċess tad-DNO ma jeżistix appell, kif ukoll
minħabba li dawn il-proġetti se jkunu eżentati mill-parti l-kbira
tal-policies tal-ippjanar.
“Dan kollu jfisser ħaġa waħda,” emfasizzat Gauci, “li l-Awtorità
tal-Ippjanar qed tfittex li tkun ‘il fuq mil-liġi. Qed tfittex li tkun
f’pożizzjoni li tiddeċiedi mingħajr ma tkun taħt skrutinju u
konsegwentement kontabbli. Din hi attitudni rresponsabbli u bla dubju
tmur kontra diversi obbligi li għandu l-Gvern kemm dawk li jirriżultaw
minn liġijiet lokali kif ukoll minn trattati internazzjonali.
Is-saltna tad-dritt hi applikabbli anke fil-qasam tal-ambjent,” temmet
tgħid Gauci.