Saret ir-raba’ edizzjoni tal-konferenza annwali tal- Għaqdiet taż-Żgħażagħ bit-tema “Sustaining Quality in Youth Organisations”, organizzata minn Aġenzija Żgħażagħ. Din il-konferenza ġabet flimkien numru ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu favur l-iżvilupp personali, soċjali u ċiviku taż-żgħażagħ sabiex jiddiskutu kif jistgħu jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħidma tagħhom u jsaħħu l-impatt fuq il-komunità.
L-edizzjoni ta’ din is-sena saret f’kuntest partikolarment sinifikanti hekk kif tifforma parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-35 anniversarju ta’ Eurodesk, network Ewropew li jippromwovi opportunitajiet għal żgħażagħ u professjonisti fix-xogħol maż-żgħażagħ. Grazzi għal appoġġ kontinwu minn Erasmus+ u Eurodesk, u bl-impenn dejjiemi ta’ Aġenzija Żgħażagħ, il-konferenza offriet spazju ta’ riflessjoni u skambju ta’ ideat bejn dawk li jaħdmu b’mod dirett mal-komunità taż-żgħażagħ.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti indirizza l-konferenza u rringrazzja lill-organizzazzjonijiet preżenti għall-ħidma prezzjuża tagħhom. “Il-kwalità fil-ħidma tagħna maż-żgħażagħ mhix għan wieħed li jintlaħaq u jitħalla hemm. Hija impenn fuq medda ta’ żmien, hija responsabbiltà maqsuma, u hija proċess li jeħtieġ riflessjoni kontinwa u rieda li nibqgħu nitjiebu,” qal is-segretarju parlamentari.
Huwa fakkar ukoll li bħala gvern, l-impenn lejn iż-żgħażagħ jibqa’ wieħed qawwi u ċar. “Il-ġid li noħolqu rridu narawh jitwassal b’mod konkret f’opportunitajiet ta’ tkabbir u żvilupp għal kull individwu, b’mod speċjali għaż-żgħażagħ tagħna,” żied is-segretarju parlamentari.
Min-naħa tagħha, Miriam Theuma, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, saħqet fuq ir-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet fix-xogħol mal-adolexxenti u ż-żgħażagħ. “Il-konferenza ta’ din is-sena tkompli tibni fuq dak li diġà nħoloq, imma fuq kollox, tagħti spazju lill-organizzazzjonijiet biex jifhmu aktar dwar l-għodod li għandhom f’idejhom – bħall-Għodda ta’ Awto-Valutazzjoni għall-Kwalità tax-Xogħol maż-Żgħażagħ – għodda prattika li tgħinhom jidentifikaw il-punti b’saħħithom u fejn jistgħu jtejbu,” qalet is-Sinjura Theuma.
Matul il-ġurnata saru workshops tematiċi fuq il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ, l-etika fil-ħidma tagħhom, kif ukoll it-taħriġ u l-appoġġ għall-ħaddiema u voluntiera fl-organizzazzjonijiet. Din l-esperjenza se tkun ukoll kontribut essenzjali għar-raba’ Konvenzjoni Ewropea tax-Xogħol maż-Żgħażagħ li se ssir f’Malta fix-xahar id-dieħel.
Il-konferenza għal darb’oħra kkonfermat l-impenn li jeżisti f’pajjiżna biex niżguraw li ż-żgħażagħ jirċievu l-appoġġ u l-opportunitajiet meħtieġa biex jgħixu ħajja b’għan u b’għarfien.