“Vot għal ADPD għal bidla mill-qiegħ fil-mod li ssir il-politika f’pajjiżna”-ADPD
“Malta ttieklet minn ġewwa minħabba l-korruzzjoni u l-krimininalità organizzata. Membri Parlamentari eletti f’isem l-ADPD jaħdmu sabiex f’Malta tibda tissaħħah is-saltna tad-dritt u tinbidel il-kultura li tippremja l-Mafja.” Dan il-messaġġ twassal waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq it-taraġ ta’ Kastilja l-Ħadd f’nofsinhar, miċ-Chairperson tal-ADPD – The Green Party, il-Perit Carmel Cacopardo, u Brian Decelis, uffiċjal għal media.
Brian Decelis (kandidat fuq it-3 u r-4 Distrett) qal li ir-rapport tal-inkjesta dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ikkonferma “dak li konna ilna nafu – li l-kultura ta’ impunità f’pajjiżna kellha l-barka ta’ Kastilja. Li sirna nafu kemm waqt kif ukoll wara dik l-inkjesta ma kienx sorpriża. Konxji ħafna mir-rabta mill-qrib wisq bejn xi negozjanti u politiċi li ixxekkel bil-kbir il-governanza f’pajjiżna, u li ħammret wiċċ pajjiżna internazzjonalment. Imma dan ma kienx sorpriża xejn. In-nuqqas t’azzjoni u riformi meħtieġa ġew injorati mill-partiti fil-gvern fuq medda t’għexieren ta’ snin.”
ADPD ser tkompli tesiġi li r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta ta’ Daphne Caruana Galizia jiġu implimentati kollha. “Hemm bżonn li dak li kkawża din it-traġedja jinqered bl-għeruq u x-xniexel. L-indafa fil-ħajja pubblika ma tiġix mix-xejn. Irridu naħdmu għaliha kuljum. Jekk kien hawn żmien meta kellna bżonn inbiddlu kif il-politika f’pajjiżna titwettaq dan żgur huwa mill-aktar urġenti illum.” Huwa appella lil votanti kollha biex bis-saħħa tal-vot tagħhom jibgħatu messaġġ ċar – “vot kontra is-sistema korrotta li għandna.”
“Bil-vot tiegħek tista’ toffri lil dan il-pajjiż futur isbaħ, iktar nadifu aħdar… qabel ma jkun tard wisq!” -Brian Decelis- ADPD- The Green Party.
Il-Perit Cacopardo (kandidat fuq ir-4 u d-9 distrett) qal li f’Malta, il-poter politiku u dak tan-negozju huma qrib wisq ta’ xulxin. “Dan ilna ħafna ngħiduh f’kuntest tal-kontabilità, tat-trasparenza u l-imġiba etika fil-ħajja pubblika.”
“Il-kontabilità, it-trasparenza u l-imġiba etika fil-ħajja pubblika jibqgħu dejjem materji ewlenin li dwarhom hemm nuqqasijiet kontinwi fil-ħajja politika Maltija. Jeħtieġu Parlament kapaċi jgħarbel u jiddeċiedi. Jeħtieġu Membri Parlamentari ta’ integrità, kapaċi li b’ħidmiethom jissorveljaw b’mod kontinwu u konsistenti l-amministrazzjoni pubblika. Jeħtieġu istituzzjonijiet b’sinsla, li sfortunatament nieqsa minnhom.”- ADPD- The Green Party
“L-istituzzjonijiet huma dgħajfa u mhux effettivi. Huma ukoll maħkuma mid-duopolju PLPN li tul is-snin għamlu kemm setgħu biex joħonqu kull vuċi li tieqfilhom jew li għandha l-potenzjal li tieqfilhom.”
“Madankollu għalina ukoll wasal iż-żmien li ngħidu issa daqshekk! Kif diġà ħabbarna, din l-elezzjoni fi ħsiebna nassiguraw li kull vot għal ADPD jissarraf b’mod sħiħ – billi wara li l-votanti jagħmlu xogħolhom nhar is-Sibt, jekk ikun meħtieġ, u ċjoe jekk ikunu applikati regoli diskriminatorji fil-konfront tagħna aħna fi ħsiebna nikkontestawhom fil-fora kostituzzjonali. Ġaladarba l-Parlament għoġbu jimponi regoli diskriminatorji intenzjonati biex jaġevolaw esklussivament lill-PLPN dan hu l-unika rimedju li baqa’. Fi ħsiebna nużawh. Biex nassiguraw li kull vot jgħodd, u mhux biss il-voti tal-PLPN.”
“Aħna konxji li t-triq għalina hi dejjem għat-telgħa. Ilna konxji li dan hu l-każ, imma qatt ma qtajna qalbna. L-aġenda tagħna hi politika ta’ servizz lejn il-komunità kollha. Politika ta’ ndafa fil-ħajja pubblika. Irridu nkunu strument politiku li jnaddaf. Xkupa ħadra li tnaddaf. Politika li tagħti servizz illum imma li żżomm kontinwament quddiem għajnejha l-impatti fuq għada, fuq il-ġenerazzjonijiet futuri u allura tqis kif dak li jseħħ illum ma jostakolax id-dritt tagħhom li huma ukoll ikun possibbli għalihom li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom.”
“Għal darba oħra qed nippreżentaw kandidati fuq kull wieħed mid-distretti elettorali u qed nitolbu l-vot biex immexxu ‘l quddiem il-manifest elettorali li ppreżentajna. Kandidati ta’ integrita’ u kollha lesti li jservu lil pajjiżna mingħajr biża’ jew favur.”- ADPD- The Green Party.
“Il-futur jinsab f’idejn kull wieħed u waħda minna. Bidla mill-qiegħ fil-mod li ssir il-politika f’pajjiżna titwettaq biss b’vot lil ADPD. Biex pajjiżna li aħna lkoll inħobbu jikseb lura il-kredibbiltà tiegħu. Jekk irridu nagħmlu l-bidla mill-qiegħ li għandu bżonn dan il-pajjiż jeħtieġ li nħarsu lejn soluzzjonijiet differenti li mhux mibnija fuq is-sħubija siekta bejn partiti politiċi u id-dinja tal-flus. Kif għamilna dejjem ser nibqgħu nżommu d-distanza tagħna mid-dinja tan-negozju u dan biex nassiguraw l-indafa fil-ħajja pubblika. Il-bidla vera tista’ isseħħ jekk inħarsu ‘l quddiem lejn sħubija man-nies li lilhom irridu inservu. Min irid il-bidla jeħtieġ li jivvota għaliha – jivvota ADPD,” temm Cacopardo.
Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna jista’ jibagħat email fuq : [email protected]