konferenza stampa ADPD korruzzjoni jew kostruzzjoni

“Korruzzjoni jew kostruzzjoni?”-ADPD-The Green Party

Kulħadd għandu d-dritt li jgħix f’daru bla biża’ li l-iżvilupp li jseħħ madwaru jkun ta’ theddida għal ħajtu, jew familtu, inkella tal-propjetà tiegħu. Dan qalu Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, u kandidat fuq ir-4 u d-9 Distrett f’konferenza stampa fi Triq Abela Scolaro Santa Venera, fejn sentejn ilu ikkollassa l-bini li qatel lil Miriam Pace waqt li kien għaddej u bħala riżultat ta’ xogħol ta’ skavar.
Sandra Gauci, kandidat ta’ ADPD fuq is-6 u t-12-il Distrett qalet li d-drittijiet tar-residenti għandhom jingħataw prijorità. Il-Bordijiet li jirregolaw il-bini u l-iżvilupp għandhom ikunu iktar sensittivi għall-impatti fuq ir-residenti huma u jieħdu d-deċiżjonijiet. Dan għandu jsir, fost oħrajn, billi jkun assigurat li l-għaqdiet li jħarsu l-interessi tar-residenti jkunu rappreżentati kemm fil-proċess fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) kif ukoll f’dak regolatorju tal-Awtorità li tirregola l-industrija tal-bini (BCA).

Sar pass ‘il quddiem li fir-regolamenti riċenti iddaħħal l-obbligu li l-iżviluppatur jerfa’ parti mill-ispejjeż li jsiru mir-residenti meta jfittxu pariri dwar l-iżvilupp propost madwarhom. Dan iżda hu limitat ħafna u għandu jkun estiż biex ikopri l-ispejjeż raġonevoli kollha li r-residenti qed ikollhom jagħmlu biex iħarsu ħajjithom u l-propjetà tagħhom, ikkonkludiet Gauci.
Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ ADPD – The Green Party emfasizza li kulħadd għandu jħossu sikur f’daru. L-awtoritajiet li jirregolaw l-iżvilupp u l-kostruzzjoni tal-bini għandhom l-obbligu li jagħtu din l-assigurazzjoni bil-fatti. Ir-regolamentazzjoni ma issirx bil-karti iżda b’nies imħarrġa li jgħassu għall-abbuż u mhux joqgħodu jistennew li jidħol rapport biex forsi jaġixxu.
“L-awtoritajiet regolatorji konnessi mal-industrija tal-bini fihom bosta rappreżentanti ta’ setturi diversi, imma l-ebda rappreżentant tar-residenti, li huma minn tal-ewwel li jlaqqtu l-konsegwenzi mhux biss ta’ tniġġis u l-impatti konsiderevoli li jnaqqsu l-kwalità tal-ħajja imma issa anke bit-telfien ta’ ħajjithom ukoll. Ir-responsabbiltà għal dan ma jridx iġorrha biss min ħadem ħażin, u min kien fl-obbligu li jsegwi dak li kien qed isir u jippreveni f’każ ta’ bżonn, imma ukoll l-awtoritajiet regolatorji u min ħatarhom, ċjoe il-politiċi preżentement fil-Parlament.”
“Hu meħtieġ li l-Parlament jagħti lill-awtoritajiet regolatorji l-għodda biex iġibu l-industrija tal-kostruzzjoni f’postha, għall-ordni. Kif għidna diversi drabi ma hemmx sal-lum il-volontà politika biex dan isir, għax meta jkun hemm iċ-ċaqlieq dan ikun nofs kedda.  Il-fatt li l-lobbying għadu mhux regolat hu parti mill-problema u dan billi l-industrija tal-kostruzzjoni/l-iżviluppaturi, huma viċin wisq tal-politiċi.”
“Hu meħtieġ Ii bla dewmien li l-awtorità li tirregola l-industrija tal-bini (BCA) jkollha iktar riżorsi, primarjament nies imħarrġa, biex ir-regolamentazzjoni issir sewwa. Kemm il-BCA u l-PA għandhom bżonn ukoll li jpoġġu l-interess tan-nies (ir-residenti) u tal-ekologija fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom, u dan qabel kwalunkwe konsiderazzjoni ekonomika.”
“Se ninsistu għaldaqstant li fl-industrija tal-bini min jaħdem jeħtieġ li jkun imħarreġ: dan ma jgħoddx biss għan-nies tas-sengħa imma ukoll għal min isuq il-makkinarju li jeħtieġ li jifhem eżatt x’inhu jagħmel u l-konsegwenzi ta’ dan.”-  ADPD
“Hemm il-ħtieġa li jkunu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-kummissjoni Quintano mingħajr iktar dewmien. Hu meħtieġ ukoll li nirregolaw il-lobbying b’mod immedjat. Jekk ma aħniex lesti biex nimxu b’dixxiplina stretta mal-industrija tal-bini, ma ndumux ma jkollna iktar minn dak li iffaċċjajna.”
Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna jista’ jibagħat email fuq : [email protected]