Konferenza stampa finali biex jgħalqu l-kampanja elettorali- ABBA

Waqt konferenza stampa finali biex jgħalqu l-kampanja elettorali tagħhom, il-Kandidati tal-Partit ABBA fuq kull distrett tennew l-ogħla prijoritajiet tal-Partit.

Waqt l-aħħar konferenza stampa għal din il-kampanja elettorali l-kandidati tal-Partit Abba jgħidu ” li lesti jiddefendu d-dritt għall-ħajja mill-konċepiment, libertajiet individwali, kwalità tal-ħajja, liġi u ordni kif ukoll is-sovranità ta’ Malta kif protetta mill-Kostituzzjoni.”
Matthew Grech, Segretarju Ġenerali tal-partit ABBA stqarr: “Il-kandidati tagħna jaqblu li din l-elezzjoni titlob għażla sobria bejn kultura tal-ħajja u kultura tal-mewt. Bejn il-libertajiet individwali u t-tirannija governattiva. Nisħaq li din l-elezzjoni se tiddetermina jekk 1% tal-poplu hux se jibqa’ jibla’ l-ġid komuni li hu tagħna lkoll, jew jekk id-99% hux se jqumu u jieħdu lura dak li hu bi dritt tagħhom billi jivvutaw lill-ABBA biex jirrappreżentahom fil-parlament”.
Ivan Grech Mintoff, Kap tal-partit stqarr: “Min jirrifjuta li jimxi mal-aġenda ta’ ħsara tal-gvern se jsofri aktar. Irridu nieħdu s-sovranità ta’ Malta u d-dinjità tal-poplu ħafna aktar bis-serjetà. Drittijiet bħad-dritt tal-assemblea u d-dritt ta’ qima fil-komunità se jerġgħu jkunu taħt attakk bl-iskuża tal-Covid. Dan mhux aċċettabbli. Uliedna jeħtieġ li jerġgħu jieħdu n-nifs u jilagħbu liberament u jrid ikollhom aċċess għal sistema edukattiva li lkoll nistgħu nafdaw fiha. Is-sigurtà nazzjonali tagħna u l-provvista tal-gass u l-ikel huma tal-akbar importanza għalina. Ebda aktar sfruttament bil-moħbi u illegali tat-territorju tagħna minn poteri u organizzazzjonijiet barranin permezz ta’ ftehimiet li l-gvern tagħna jagħmel minn wara daharna.”
“Nistgħu nkunu agħar minnhom? M’hemmx għalfejn tagħżel bejn il-ħalliel ħażin u l-ħalliel it-tajjeb. Ivvota għall-kandidati ABBA kollha fid-distrett tiegħek, b’1, 2 u 3 – skont in-numru ta’ kandidati fid-distrett tiegħek.” jtennu l-Partit ABBA.
 Il-kandidati tal-ABBA temmew iħeġġu lill-votanti jivvutaw għall-individwu Malti, l-unità tal-familja u n-nazzjon, mhux biss għall-mexxejja tal-partiti tradizzjonali. “Vot għal ABBA huwa vot għad-drittijiet tiegħek u d-dinjità tal-familja tiegħek!” Ikkonkludew din il- konferenza l-Partit ABBA.
Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna jista’ jibagħat email fuq : [email protected]