Konferenza stampa : Il-qerda ta’ GħawdexADPD

“Il-qerda ta’ Għawdex għandha tieqaf mill-aktar fis; inħarsu l-agrikoltura u s-sigurtà tal-provista tal-ikel”- ADPD

Waqt konferenza stampa il-Ħadd, kelliema tal-ADPD – The Green Party saħqu fuq il-ħtieġa li il-qerda ta’ Għawdex titwaqqaf immedjatament. Emfasizzaw il-ħtieġa li l-art agrikola f’pajjiżna tiġi mħarsa f’ġieħ is-sigurta fil-qasam tal-provvista ta’ l-ikel.

Luke Caruana, Teżorier u kandidat ta’ ADPD – The Green Party fuq it-12 u t-13-il Distrett, qal li għalkemm ħafna mill-issues li jolqtu lil Malta jaffettwaw ukoll lill-gżira Għawdxija, hemm affarijiet li jolqotha li għandhom jingħataw attenzjoni partikolari biex l-Għawdxin ikunu moqdija aħjar.

Caruana saħaq li il-ġennata ta’ mina bejn Malta u Għawdex ma ssirx. Kieku kellha ssir din se toħloq sfreġju ambjentali kbir kemm f’ Ta’ Kenuna, n-Nadur, kif ukoll fl-inħawi tal-Għerien, limiti tal-Mellieħa fejn hu ppjanat li l-mina tisbokka f’Malta. Bl-istess mod l-idea ta’ ajruport għall-ajruplani żgħar għanda tintesa għaliex bħalma ġara b’esperimenti simili fil-passat permezz ta’ helicopter m’hemmx vijabilta’ li jiġġustifika aktar qerda ta’ art barra ż-żona ta’ l-iżvilupp (ODZ). Minflok, għandhom jiżdiedu servizzi oħra fosthom li il-fast ferry ma jaħdimx biss mill-port il-kbir imma jiġi estiż għal inħawi oħra.

Għandha tingħata kas tal-fehma tal-Kunsilli Lokali f’Għawdex li ilhom żmien isemmgħu leħinhom dwar l-isfreġju li bħalissa għaddej fuq il-gżira Għawdxija. L-aħħar oxxenita’ ġiet propju approvata ftit tal-jiem ilu. “Ma naħsibx li kumbinazzjoni li wara dan il-proġett hemm żviluppatur ewlieni, Joseph Portelli, li ftit tax-xhur ilu ftaħar li hu jħossu komdu jagħti donazzjonijiet lil PLPN, ħalli dawn jieħdu ħsiebu,” temm Caruana.

Carmel Cacopardo, Chairperson u kandidat ta’ ADPD – The Green Party fuq ir-4 u d-9 distrett kompla li l-art f’Ta’ Sannat li fuqha ġie approvat l-iżvilupp f’dawn il-ġranet huwa fuq art tajba ħafna għall-agrikoltura. Dan sejjer ikompli jimpatta fuq il-provvista ta’ l-ikel f’pajjiżna billi iżid id-dipendenza tagħna fuq ikel impurtat filwaqt li jpoġġi fil-periklu l-għajxien tal-bdiewa li jaqilgħu ħobżhom minn fuq l-art.

Dan il-permess inħareġ fl-istess żmien li l-Partit Laburista qiegħed iwiegħed zoni ħodor f’diversi lokalitajiet. Ma hemmx kredibilità fl-argumenti ambjentali tal-PNPL. Iwegħdu l-ilma jiżfen imma meta jiġu għas-si un-no dejjem jibqgħu kompliċi ma’ min imexxi aġenda ta’ qerda ambjentali. Fl-aħħar dejjem issibhom fuq in-naħa tal-flus, kontra n-nies u kontra l-ambjent, emfasizza Cacopardo.


Ritratt -ADPD Facebook

Żvilupp ta’ dan it-tip mhuwiex l-unika theddida li qegħdin jiffaċċja l-bdiewa f’pajjiżna. Hemm id-domanda dejjem tikber għal xiri ta’ art għar-rikreazzjoni. Bosta sidien tar-raba’ qegħdin jippreferu jbiegħu l-art tagħhom għal somma tajba milli l-ftit ċekċik ta’ Ewro li bħalissa qed idaħlu mill-qbiela.

Il-biedja ma tirrendix qliegħ biżżejjed biex tagħmel tajjeb għal dawn il-prezzijiet li qed jintalbu u għalhekk kienet qegħda tirrenja il-liġi tal-ġungla fejn min jiflaħ iħallas jiddetta. Madankollu f’sentenza riċenti tal-Imħallef Wenzu Mintoff, il-Qorti għamlet l-argument qawwi favur il-biedja. Il-pajjiż, qal l-Imħallef, għandu jħares il-biedja u japprezza iktar dak li trendi. Jekk ma nħarsux il-biedja, x’ser nieklu? Il-kummerċ ma’ barra mhux dejjem jipprovdi, biżżejjed jew fil-ħin. Ma nistgħux nistrieħu fuq il-kummerċ ma’ barra biss. L-art tagħna, jekk tinħadem tista’ tipprovdi, kif ipprovdiet iktar minn biżżejjed fil-passat. Imma jeħtieġ li l-art inħarsuha.Minkejja l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-importazzjoni tal-ikel minn barra, l-istat xorta jibqgħalu l-obbligu li jassigura ruħu li l-pajjiż ma jkunx jiddependi iżżejjed fuq l-importazzjoni. Jekk dan ma jsirx, l-agrikoltura, ftit ftit tispiċċa, darba għal dejjem, temm Cacopardo. Artiklu mtella’ PR13/03/2022 Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna sabiex nibgħatu ġurnalist fuq il-post u ntellgħu artiklu, jista’ jikkuntatjana fuq : [email protected]