Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttiġieġ, attenda konferenza tal-Kunsill tal-Ewropa ġewwa Dublin, l-Irlanda, bit-tema ‘“No safe haven: Integrated prevention measures to end domestic, sexual and gender-based violence”.
Il-ministru u s-segretarju parlamentari ltaqgħu ma’ numru ta’ ministri u professjonisti minn diversi pajjiżi Ewropej fejn flimkien tkellmu u trattaw diversi materji rigward il-vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Attard saħaq dwar kif f’Malta saret ħafna ħidma f’dan il-qasam. Huwa semma li l-ewwel liġi li huwa ressaq fil-Parlament Malti kienet titratta l-introduzzjoni tal-kunċett tal-femiċidju fil-kodiċi kriminali ta’ Malta. “B’dawn l-emendi Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li stabbilixxiet li l-femiċidju huwa fattur li għandu jimmilita kontra l-għoti ta’ piena mhux ħarxa f’kaz ta’ omiċidju jew tentattiv ta’ omiċidju, b’tali mod li jintbagħat messaġġ ċar u b’saħħtu kontra dawn it-tip ta’ reati kontra n-nisa”, saħaq il-Ministru Attard.
Huwa kompla jgħid li “Malta tattribwixxi importanza kbira lill-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru. Malta hija ukoll firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni huma infurzabbli bħala parti mil-Liġijiet ta’ Malta.”
Fl-intervent tas-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, f’waħda mis-sessjonijiet ta’ diskussjoni, hija spjegat il-ħidma li qed issir fuq prevenzjoni fuq livell nazzjonali. Il-prevenzjoni hija pilastru kruċjali li toħroġ mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul, għaldaqstant il-Kummissjoni għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika torganizza numru ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ għall-professjonisti li jaħdmu fis-settur.
“Bħala gvern impenjati li nibnu sistema aktar effettiva biex nintervjenu u nipproteġu lill-vittmi minn kull tip ta’ vjolenza. It-taħriġ li qed jsir lill-frontliners huwa għodda essenzjali biex inkomplu noħolqu soċjetà bi strutturi aktar b’saħħithom kemm biex ngħinu lill-familji tagħna, kif ukoll biex fejn nistgħu nipprevjenu l-vjolenza milli titwettaq”, qalet is-segretarju parlamentari.
Fit-tmiem il-konferenza, li saret fuq stedina tal-Presidenza Irlandiża, Malta ffirmat dikjarazzjoni biex issir aktar ħidma fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Id-dikjarazzjoni tikkommetti l-pajjiżi biex jimplimentaw diversi miżuri f’dan il-qasam, fosthom kampanji ta’ informazzjoni u miżuri biex ikun hemm aktar għarfien fuq livell edukattiv, fost l-oħrajn.