“F’dan is-settur għandna ċ-ċwievet tal-ħolm tat-tfal tagħna. Iċ-ċwievet li se jagħtu direzzjoni lil pajjiżna. Flimkien niksbu riżultati importanti.” Enfasizza dan il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta ta bidu għal konferenza marbuta mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 li tinsab fi stadju avvanzat tat-tfassil tagħha.
Bħala parti mit-tfassil tal-Istrateġija, sa issa saru madwar 150 laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-edukaturi, li ħadu sehem b’mod attiv biex taw l-opinjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom għal din l-istrateġija.
“Għarafna l-bżonn li kull strateġija, kull triq li twassal lil dan is-settur tant importanti biex iżomm il-pass mad-dinja reali, mal-isfidi li toffri u biex inżommu mal-progress li qed isir, l-imsieħba soċjali, l-edukaturi jridu jkunu fuq quddiem fit-tfassil tal-perkors tat-tiġdid tas-settur edukattiv,” qal il-Ministru Grima.
Il-Ministru Grima tenna li l-edukaturi għandu jkollhom rwol akbar ta’ policy-makers u hemm bżonn li jkunu integrati aħjar fir-riċerka u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, kif qed isir fil-konsultazzjoni għal din l-istrateġija ġdida. “Nafu u nirrikonoxxu li kull persuna li tilħaq il-potenzjal tagħha fil-perkors edukattiv tafu lill-edukaturi, u għalhekk l-edukaturi huma ċentrali fit-tfassil ta’ din l-istrateġija.”
Fil-konferenza kien hemm rappreżentanti ta’ diversi ministeri u entitajiet li wkoll ħadu sehem attiv waqt id-djalogu u rappreżentazzjonijiet li saru.
“Parti importanti minn dan is-settur huma l-imsieħba soċjali, mhux biss dawk li jmissu b’mod dirett mas-settur, imma wkoll dawk li permezz tal-ħidma tagħhom imissu mal-edukazzjoni ta’ uliedna. Għaldaqstant intom ukoll parti importanti mit-tfassil ta’ din l-istrateġija,” qal il-Ministru Grima.
Il-ministru kompla li l-edukazzjoni m’għandiex tipproduċi ħaddiema, imma għandha tipproduċi nies li għandhom il-ħiliet li jwassluhom biex jaddattaw ruħhom, ikunu kapaċi jsolvu l-problemi li jsibu quddiemhom, u allura jkunu kapaċi jsibu ruħhom fid-dinja tax-xogħol. “Irridu nassiguraw li nattrezzaw lill-uliedna għas-suq tal-impjiegi tal-futur, għalhekk din hija strateġija importanti għaliex trid tħares mhux biss lejn illum, imma wkoll lejn dak li qed jevolvi kemm fis-settur edukattiv, imma wkoll fis-suq tax-xogħol,” temm jgħid il-Ministru Grima.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella qal li l-qofol tal-eżerċizzju li qiegħed isir b’dawn il-konsultazzjonijiet, u li se jwasslu għal din l-Istrateġija l-ġdida, huwa li tinkiseb edukazzjoni ta’ kwalità, imma fil-qalba hemm il-potenzjal tal-individwu, l-istudent.
Meta titlesta din il-fażi, l-Istrateġija se toħroġ għall-konsultazzjoni pubblika, biex b’hekk fit-tfassil tad-dokument finali, kull settur tal-pajjiż ikun ġie kkonsultat.