L-Aġent President iżur il-Wirja Tradizzjonali tal-Biedja u Snajja’ f’Għawdex

L-Aġent President, il-Professur Frank Bezzina, żar il-Wirja tal-Biedja u Snajja’ fil-ġonna ta’ Villa Rundle f’Għawdex. F’kelmtejn tal-okkażjoni, l-Aġent President irrimarka li sa mill-bidu tagħha fl-1855, din il-wirja kienet u baqgħet ċelebrazzjoni tal-prodott u t-talent Malti.
Huwa appella biex il-prodotti agrikoli u artiġjanali Maltin jingħataw prominenza u spazju akbar biex jikkompetu b’mod ekwu mal-prodotti barranin. “Aħna bħala konsumaturi, nistgħu wkoll nagħmlu l-parti importanti tagħna billi nfittxu prodotti mkabbra u maħduma f’pajjiżna,” qal l-Aġent President.
Il-Wirja tal-Biedja u Snajja’ ġiet organizzata mis-Soċjetà Agrikola, Industrijali, u Kulturali t’Għawdex flimkien mal-Ministeru għal Għawdex. L-Aġent President Bezzina sellem u rringrazzja lil Victoria Boy Scouts u x-Xagħra Scouts tal-gwardja tal-unur u lill-gruppi folkloristiċi Għawdxin tas-sehem tagħhom. Irringrazzja wkoll lit-tfal u ż-żgħażagħ li ħadu sehem fil-kantalieni u lil għadd kbir ta’ ħaddiema u voluntiera li ħadmu biex dan l-avveniment tradizzjonali jkun suċċess.
L-Aġent President Bezzina feraħ lir-rebbieħa ta’ din is-sena.​​​​​