Ma sar l-ebda appell fil-każ ta’ Matthew Grech u l-ġurnalisti ta’ PMnews; is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati issa saret finali

Ma sar l-ebda appell mill-Prosekuzzjoni fil-każ li kien inbeda kontra Matthew Grech, Mario Camilleri u Rita Bonnici, wara s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, fl-4 ta’ Marzu 2026.  Iż-żmien għall-appell skada u ma tressaq l-ebda appell mill-Kummissarju jew minn dawk ikkonċernati, u għalhekk wieħed jista’ jsostni li l-każ huwa magħluq.
Fis-Sentenza tagħha, il-Qorti sabet lit-tliet imputati mhux ħatja mill-akkużi li kienu rreklamaw prattiċi ta’ “conversion therapy”, li huma pprojbiti taħt il-liġi Maltija.

Kif beda l-każ

Il-każ kien beda wara programm li xxandar fis-6 ta’ April 2022 fuq il-pjattaforma PM News Malta, fejn il-preżentaturi Mario Camilleri u Rita Bonnici intervistaw lil Matthew Grech, li tkellem dwar l-esperjenza personali tiegħu u dwar il-bidla li qal li għadda minnha fil-ħajja tiegħu.
Fit-14 ta’ Mejju 2022 sar rapport lill-Pulizija fl-Għassa tar-Rabat minn Silvan Agius u Christian Attard, li sostnew li l-programm u r-reklamar tiegħu fuq il-website u l-paġna Facebook ta’ PM News Malta kienu qed jippromwovu prattiċi ta’ conversion therapy.
Aktar tard ukoll, attivista oħra Cynthia Chircop ressqet rapport addizzjonali dwar l-istess programm.

Każ li dam għaddej għal kważi erba’ snin

Il-proċeduri kriminali li segwew damu għaddejjin għal kważi erba’ snin, mill-2022 sas-sentenza finali li ngħatat fl-4 ta’ Marzu 2026.
Matul il-proċess instemgħu diversi xhieda dwar il-programm u dwar jekk il-kontenut tiegħu setax jitqies bħala reklamar ta’ prattiċi ta’ conversion therapy.

Il-Qorti dwar l-intenzjoni tal-programm

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti osservat li l-programm kien diskussjoni fejn il-mistieden qasam l-esperjenza personali tiegħu, u li l-preżentaturi kienu qed jipprovdu pjattaforma għal diskussjoni dwar suġġett kontroversjali.
Il-Qorti qalet li ma kienx ġie ppruvat lil hinn minn kull dubju raġonevoli li l-imputati kellhom l-intenzjoni li jiksru l-liġi jew li jirreklamaw dawn il-prattiċi.
Għaldaqstant, il-Qorti ddeċidiet li Matthew Grech, Mario Camilleri u Rita Bonnici ma kinux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

L-ebda appell mill-Prosekuzzjoni

Peress li ma sar l-ebda appell mill-Prosekuzzjoni fil-perjodu legali stipulat, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati issa tibqa’ fis-seħħ.
Dan ifisser li s-sentenza tal-Maġistrat Monica Vella ġiet aċċettata u l-każ issa jista’ jitqies magħluq mill-aspett kriminali.
Il-każ kien wieħed li qajjem diskussjoni dwar il-libertà tal-espressjoni u r-rwol tal-ġurnaliżmu li jipprovdi spazju għal dibattitu pubbliku, anke fuq suġġetti sensittivi u kontroversjali.
Kummenti minn Mario Camilleri, editur ta’ PMnews:
Jidher li dan il-każ issa huwa magħluq. Matul dawn is-snin tlifna ħafna żmien li stajna ddedikajnih lill-gazzetta PMnews, li kienet għadha kemm bdiet meta faqqa’ dan il-każ. Dan ix-xogħol f’din il-gazzetta għamilnieh b’mod volontarju. Tlifna wkoll flus fi spejjeż relatati ma’ dan il-każ. Din hija rebħa, iżda wkoll telfa, għax tlifna żmien u flus. U ċert li kieku dawk li għamlu r-rapport ressqu l-ilmenti jew talbu xi forma ta’ risposta mingħand PMnews qabel ma l-affarijiet ittieħdu quddiem il-Pulizija, l-affarijiet kienu żgur jitrangaw ħafna qabel u dan il-każ qatt ma kien jasal la fil-midja Maltija u lanqas dik internazzjonali.

Jekk tixtiequ, intom il-qarrejja tistgħu tagħmlu donazzjoni billi tikklikkjaw fuq il-buttuna ‘Donate’, sabiex din il-paġna tibqa’ għaddejja.