Stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat illum, iħares fil-fond lejn l-użanzi tal-media, il-fiduċja f’sorsi differenti tal-media, kif ukoll l-attitudnijiet lejn it-theddida ta’ diżinformazzjoni.
Filwaqt li s-suġġetti politiċi nazzjonali huma l-aktar li jinteressaw liċ-ċittadini (magħżula minn 50% tal-parteċipanti), l-affarijiet Ewropej u internazzjonali jqanqlu ħafna interess ukoll (46%), ras imb ras mal-aħbarijiet lokali (47%).
72% tal-parteċipanti jiftakru li reċentement qraw, raw jew semgħu dwar l-Unjoni Ewropea, jew fl-istampa, fuq l-internet, fuq it-televixin jew ir-radju. 57% reċentement qraw, raw jew semgħu xi ħaġa dwar il-Parlament Ewropew.
Ir-rata ta’ kemm in-nies jiftakru fuq l-aħbarijiet tal-UE tvarja bejn 57% fi Franza u 90% fir-Rumanija, u fuq l-aħbarijiet tal-PE tvarja bejn 39% fi Franza u 85% f’Malta.
B’75%, it-televixin jiddomina bħala s-sors primarju tal-media, partikolarment għaċ-ċittadini ta’ aktar minn 55 sena. Imbagħad, b’differenza mdaqqsa, isegwu l-pjattaformi tal-aħbarijiet online (43%), ir-radju (39%) u l-pjattaformi tal-media soċjali u l-bloggs (26%). L-istampa bil-miktub tiġi fil-ħames post, b’wieħed minn kull ħames parteċipanti (21%) isemmi l-gazzetti u r-rivisti bħala s-sors primarju tal-aħbarijiet. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ parteċipanti iżgħar, aktar hemm ċans li jużaw il-pjattaformi tal-media soċjali u l-bloggs biex jaċċessaw l-aħbarijiet (46% taż-żgħażagħ ta’ bejn 15 u 24 sena kontra 15% ta’ dawk ta’ aktar minn 55 sena).
Għalkemm is-sorsi tal-aħbarijiet tradizzjonali – partikolarment it-televixin – huma importanti, 88% tal-parteċipanti jiksbu tal-anqas ftit aħbarijiet online permezz tal-ismartphone, il-kompjuter jew il-laptop tagħhom. 43% tal-parteċipanti jużaw is-sit web tas-sors tal-aħbarijiet (eż. is-sit web ta’ gazzetta) biex jaċċessaw l-aħbarijiet online, u 31% jaqraw artikli jew posts li jitfaċċaw fin-networks soċjali tagħhom online. L-aċċess għall-posts tal-aħbarijiet permezz tan-networks soċjali online huwa aktar importanti għaż-żgħażagħ (43% ta’ dawk ta’ bejn il-15 u l-24 sena kontra 24% ta’ dawk ta’ aktar minn 55 sena).
Il-ħlas għall-kontenut tal-aħbarijiet online għadu pjuttost l-eċċezzjoni, peress li 70% ta’ dawk li jaċċessaw l-aħbarijiet online lesti biex jużaw biss kontenut tal-aħbarijiet jew servizzi tal-aħbarijiet online bla ħlas.
L-aktar sorsi tal-media fdati
Iċ-ċittadini jafdaw l-aktar il-media tax-xandir u tal-istampa tradizzjonali, inkluża l-preżenza tagħhom online, aktar mill-pjattaformi tal-aħbarijiet u stazzjonijiet tal-media soċjali online. Kemm jekk permezz tal-“istazzjon nattiv” tagħhom jew permezz tal-preżenza tagħhom online, 49% tal-parteċipanti jistennew li l-istazzjonijiet pubbliċi tat-TV u tar-radju jagħtuhom aħbarijiet veritiera, segwiti mbagħad mill-istampa bil-miktub, magħżula minn 39%. Min-naħa l-oħra, 27% semmew l-istazzjonijiet privati tat-TV u tar-radju bħala sors tal-media li jafdaw. Il-Polonja tispikka bħala l-uniku pajjiż fejn l-istazzjonijiet privati tat-TV u tar-radju huma l-aktar sors fdat tal-aħbarijiet. F’bidla aktar radikali mis-sorsi tal-aħbarijiet ġeneralment tradizzjonali, il-parteċipanti fl-Ungerija jsemmu “nies, gruppi jew ħbieb li jsegwu fuq il-media soċjali” bħala l-aktar sors tal-aħbarijiet li jafdaw.
L-importanza tal-fiduċja ħarġet ukoll meta l-parteċipanti sarulhom mistoqsijiet dwar xi jġegħelhom jiftħu artiklu tal-aħbarijiet online. Filwaqt li 54% jitħajru jiftħu l-artiklu jekk it-titlu jkun rilevanti għall-interessi tagħhom, 37% jgħidu li huwa importanti li huma jafdaw is-servizz tal-aħbarijiet li jxerred l-artiklu.
Esponiment għad-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz
Aktar minn kwart tal-parteċipanti (28%) jaħsbu li, fis-sebat ijiem li għaddew, huma kienu esposti ħafna jew ta’ sikwit għad-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz. Il-parteċipanti fil-Bulgarija, b’mod ġenerali, huma l-aktar li wieġbu li ta’ spiss kienu esposti għad-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz fl-aħħar sebat ijiem, b’55% jistmaw li ġew esposti “ħafna” jew “ta’ sikwit”, filwaqt li l-parteċipanti fin-Netherlands huma l-inqas li qalu dan (3% wieġbu “ħafna” u 9% wieġbu “ta’ sikwit”).
Maġġoranza tal-parteċipanti jħossuhom kunfidenti li kapaċi jagħrfu d-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz: 12% jħossuhom “kunfidenti ħafna” u 52% “pjuttost kunfidenti”. Il-livell ta’ kunfidenza fl-għarfien ta’ aħbarijiet veri u aħbarijiet foloz jonqos bl-età u jiżdied bil-livell tal-edukazzjoni.