L-ewwel edizzjoni ta’ Dock Music fil-Kottonera

F’dak illi kien il-Baċir Numru 1 se ssir l-ewwel edizzjoni ta’ Dock Music. Festa ta’ mużika li tiċċelebra s-sabiħ tal-Kottonera. Għal din l-ewwel edizzjoni se jingħataw kunċerti minn Ivan Grech & Band u Versatile Brass nhar it-Tlieta 20 ta’ Settembru mis-7 ta’ filgħaxija ‘l quddiem.

Din l-attività hija organizzata mill-Fondazzjoni Kottonera bl-appoġġ tal-Università Amerikana ta’ Malta u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla. Minbarra l-kunċerti ewlenin ta’ Ivan Grech & Band u l-Versatile Brass, se jipparteċipaw ukoll kantanti u mużiċisti lokali oħra. Dan l-avveniment huwa bla ħlas u miftuħ għal kulħadd.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li attivitajiet bħal dawn huma meħtieġa sabiex jagħtu l-kulur u l-ħajja lil-lokalitajiet tagħna. Filwaqt li awgurat kull suċċess għal din l-ewwel edizzjoni ta’ din l-attività, faħret lill-Fondazzjoni Kottonera għall-impenn tagħha fuq dan il-proġett. “Inħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi u jgawdi t-talent Malti li jaf jofri pajjiżna,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera Glenn Bedingfield qal li, “Dan huwa l-ewwel kunċert tax-xorta tiegħu fil-baċir. Għal ħafna snin hawnhekk kien post fejn eluf ta’ ħaddiema qalgħu l-għajxien. Illum huwa spazju miftuħ mill-isbaħ li l-familji jistgħu jgawdu”. Huwa sostna li matul din is-sena reġa’ ntwera interess kbir għall-attivitajiet fil-Kottonera u għaldaqstant il-fondazzjoni se tibqa’ taħdem biex il-Kottonera tkun ċentru ta’ attivitajiet kulturali ta’ livell.
Paul Borg mill-Versatile Brass ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jattendi għal dan il-kunċert, filwaqt li ddeskrivieh bħala; “Kunċert imżewwaq b’mużika li tappella għal kulħadd b’uħud mill-aqwa talent lokali”.

Fl-intervent tiegħu, Ivan Grech tenna li, “Il-Kottonera hija fl-għeruq ta’ ħajti, meta nkanta hawn il-memorji ta’ tfuliti jqanqluli ħafna emozjonijiet sbieħ”.
Il-President tal-Università Amerikana ta’ Malta Dr. Michel Najjar qal li, “Bħala l-Università Amerikana ta’ Malta, aħna kburin li nikkontribwixxu għal avveniment bħal dan organizzat mill-Fondazzjoni Kottonera, bħala hosting partners. Bħala l-Università Amerikana ta’ Malta, aħna nibqgħu impenjati lejn il-Kottonera u l-gżejjer Maltin, l-ewwel nett biex insiru xempju ta’ edukazzjoni ogħla, u barra minn hekk biex inkomplu nsaħħu l-akwata li ninsabu fiha. Bħala hosting partners għal avvenimenti bħal dawn, aħna ħerqana li nikkontribwixxu għal aktar avvenimenti, kemm jekk huma kulturali, storiċi, edukattivi, u dawk ta’ divertiment, biex niżguraw li l-Kottonera tkompli miexja ‘l quddiem.”