8 ta’ Marzu, 2025, L-Eżekuttiv ta’ Momentum iltaqa’ mal-President tar-Repubblika, Myriam Spiteri Debono, fil-Palazz ta’ San Anton. Waqt din il-laqgħa, il-membri tal-Eżekuttiv ta’ Momentum spjegaw lill-President l-għanijiet tal-organizzazzjoni u enfasizzaw il-prinċipji bażiċi u l-valuri tal-istess Momentum.
Inġibdet l-attenzjoni illi hemm bżonn li l-artiklu Kostituzzjonali dwar protezzjoni minn diskriminazzjoni jkun jinkludi wkoll riferenza li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni abbażi tal-età tal-individwu.
Fil-laqgħa ġew diskussi wkoll diversi temi oħra, fosthom it-tibdil fil-liġi elettorali li jissarraf f’aktar spazju lill-partiti ż-żgħar u b’hekk iwessa’ aktar il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza taċ-ċittadini.
Id-diskussjoni kienet tinkludi wkoll evalwazzjoni ta’ kif qed tevolvi s-soċjetà Maltija, t-tħaddim ta’ prinċipji ta’ governanza tajba, fosthom it-trasparenza u l-korrettezza.