Minkejja li l-Gvern ħa miżuri biex jissussidja l-elettriku, petrol, diesel, qamħ u ċerejali, il-ħajja qed togħla b’mod esaġerat. Il-kalkoli li saru u li ġew ippubblikati fuq il-media matul il-ġimgħat li għaddew juru li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja li bil-liġi tingħata kull sena u titħabbar waqt id-diskors tal-budget ser tkun waħda record u taqbeż it-€8 fil-ġimgħa. Ma jagħmilx sens li noqgħodu nistennew sal-aħħar tas-sena għax min qed jgħix b’paga minima inkella bil-pensjoni jew servizzi soċjali ma jistax joqgħod is-sitt xhur li ġejjin jittewweb jistenna ż-żieda għall-għoli tal-ħajja biex ikun jista’ jixtri l-affarijiet essenzjali.
Dan qalu Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ ADPD – The Green Party waqt konferenza stampa is-Sibt filgħodu fil-Belt Valletta, quddiem il-Parlament, filwaqt li emfasizza li f’dawn iċ-ċirkustanzi ż-żieda għall-għoli tal-ħajja għandha tingħata darbtejn fis-sena: fl-1 ta’ Lulju u fl-1 ta’ Jannar, kif proposta minn ADPD waqt il-kampanja elettorali 2022.
Sandra Gauci, Deputat Chairperson fissret kif f’dawn iċ-ċirkustanzi, fejn kull ma jiġi impurtat qiegħed jogħla b’mod esaġerat tinħass in-nuqqas ta’ agrikultura b’saħhitha. Dan, emfasizzat Gauci mhux b’kumbinazzjoni imma għax gvern wara ieħor lill-agrikultura taha bis-sieq. It-toroq żviluppati bl-addoċċ b’mod li qed tittiekel dejjem iktar raba’ tajba biex tinħadem qegħdin inħossu l-effett tagħhom.
Hu inutli, emfasizzat Gauci, li ninkoraġġixxu skemi li jinċentivaw lill-ġenerazzjoni żgħażugħa biex tħares lejn il-biedja jekk fl-istess nifs il-Gvern jibqa’ għaddej b’gaffa wara l-oħra jeqred għelieqi għammiela u jbikki bidwi wara l-ieħor.
F’dawn ic-ċirkustanzi huwa essenzjali li l-awtorità responsabbli għall-ħarsien tal-konsumatur tkun pro-attiva u ma toqgħodx tistenna li jidħlu l-ilmenti biex din tieħu azzjoni. Iż-żieda mgħaġġla tal-għoli tal-ħajja qed tkisser liż-żgħir li għandu ħtieġa urġenti li jkun imħares anke minn min jipprova japprofitta ruħu miċ-ċirkustanzi.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD ikkummenta ukoll dwar il-ħtieġa li l-paga minima tkun waħda li tista’ tgħix biha (living wage). L-istudji ripetuti li diġà saru mill-Caritas ripetutament urew li anke qabel l-aġġustament meħtieġ għall-għoli tal-ħajja il-paga minima hi waħda miżera. Filwaqt li wieħed japprezza l-passi li ttieħdu fil-passat biex ħadd ma jibqa’ fit-tul dipendenti minn paga minima hu fatt li din il-miżura waħedha mhux se tindirizza l-insuffiċjenza ta’ dħul għall-vulnerabbli.
Il-paga minima teħtieġ li tkun waħda diċenti. Mhijiex. Min jaħdem għandu dritt għal paga ġusta. Il-paga minima trid tkun paga li tista’ tgħix biha għax tkun tkopri l-ħtiġijiet bażiċi tal-familja. Għandna bżonn ekonomija sensittiva għall-ħtiġijiet umani.
Hu b’sorpriża kbira li innutajna li d-dokument ippubblikat mill-Gvern il-bieraħ għall-konsultazzjoni pubblika (Viżjoni Soċjali għal Malta 2035) jonqos milli jagħmel l-iċken referenza għal dan. Għall-Gvern il-ħtieġa li l-paga tkun tajba biex tgħix biha (living wage) mhiex issue soċjali reali!