“Operaturi fil-qasam tat-turiżmu għandhom jaraw li l-attivitajiet tagħhom ma jħallux impatt negattiv fuq il-komunitajiet residenzjali li fiha jkunu qegħdin jaħdmu. Dan hu meħtieġ speċjalment fi gżira żgħira bħalma hija tagħna biex jassigura li t-turiżmu jkun wieħed sostenibbli.” Dan sostnieh iċ-Chairperson tal-ADPD – The Green Party, Carmel Cacopardo, meta indirizza konferenza stampa is-Sibt filgħodu fil-Belt Valletta.
“Qegħdin kontinwament nirċievu ilmenti minn residenti f’diversi lokalitajiet li xi uħud mill-istabbilimenti tad-divertiment m’għandhom l-ebda rispett lejn il-ġirien tagħhom. Idoqqu mużika b’volum għoli sa tard bil-lejl.” Il-kelliem tal-ADPD Marcus Lauri saħaq li dan qiegħed iseħħ f’numru ta’ postijiet mhux biss il-Belt.
“Il-Ministru tat-Turiżmu mhuwiex qed jagħti każ il-ħtiġijiet tar-residenti imma minflok soluzzjonijiet qiegħed iżid in-numru ta’ siegħat li tindaqq il-mużika fil-Belt. Il-problema f’pajjiżna,” tenna Lauri,” hija in-nuqqas ta’ regolamenti xierqa, u l-kultura ta’ nuqqas t’infurzar. Il-pulizija m’għandhomx l-istrumenti legali li bihom jistgħu jinfurzaw ir-regolamenti b’mod effettiv. Għandna biss l-inkompetenza tal-Malta Tourism Authority (l-MTA) bħala regolatur.”
“Il-Ministru Clayton Bartolo flok talab lit-tim tal-infurzar fl-MTA biex jara li l-istabbilmenti fil-Belt qegħdin jirrispettaw lir-residenti ċeda għal pressjoni mill-operaturi u żied il-ħinijiet li dawn jistgħu idoqqu mużika b’volum għoli mill-11pm sas-1am.”
“Hemm min isostni li m’hawn imkien fid-dinja fejn il-mużika fit-triq f’żoni residenzjali hija regolata jew saħansitra mhux permissibli wara l-11pm. Din hija falsita’. Hemm numru ta’ bliet b’regolamenti ċari ta’ limiti ta’ ħoss li wieħed jista’ jagħmel, fejn saħansitra jintalab li jkun hemm sound proofing adegwat fejn il-mużika tkun se tindaqq. Dawn huma l-idejat li l-Ministru Bartolo għandu jikkunsidra,” temm Lauri.
Il-Perit Carmel Cacopardo spjega li l-ħoss jibda’ jkun ta’ inkovenjent meta jaqbeż il-75 dB u ta’ periklu meta jilħaq madwar 120 dB. Biex wieħed jikkompara, konversazzjoni f’librerija tkun bejn 10 u 30dB filwaqt li dik normali jew ħoss ġġenerat minn appliances fid-dar tkun bejn 30 u 50 dB.
“Jekk wieħed jikkonsidra destinazzjonijiet turistiċi li jikkompetulna fil-Mediterran – Barċellona u Ibiża, wieħed isib li hemmhekk il-livel ta’ ħoss huwa ikkontrollat b’mod strett biex jassigura li l-istabbiliment qegħdin jimxu ma kriterji stabilliti ta’ sound proofing u li jiggarantixxu d-dritt tar-residenti lokali għal mistrieħ.
Huwa assolutament mhux veru li f’destinazzjonijiet turistiċi oħra kulħadd jista’ jagħmel li jrid. L-idea li il-ftit jiggwadanjaw a spejjeż tal-kumplament hija biss mentalita’ li tinsab fl-imħuħ servili tal-Malta Tourism Authority li hija bla snien għax hi ikkontrollata mill-industrija stess.
Il-kejl użat għandu jkun wieħed: li jkun inkoraġġit dak li hu raġonevoli fil-konfront tar-residenti,” sostna Cacopardo. “Hawn wieħed jrid jikkonsidra ukoll l-impatti soċjali u ambjentali tat-turiżmu. Għalhekk, tqum il-mistoqsija: kemm nifilħu turisti?”
“L-interessi konfliġġenti fil-qasam tat-turiżmu għandhom jiġu indirizzati billi l-iżvilupp f’dan il-qasam ikun demokratizzat. Riżultat ta’ hekk min sal-lum hu mdorri jħares biss lejn il-gwadann fi żmien qasir ikollu jibda jqis ħidmietu f’kuntest ta’ responsabbilta’ soċjali, kif ukoll id-dannu ambjentali u kulturali ta’ ħidmietu. Sallum, l-operaturi fil-qasam tat-turiżmu jieħdu l-profitti filwaqt li l-kumplament tas-soċjeta’ iġgorr l-impatti fuq spallejha.
Il-proċess li bih jittieħdu deċiżjonijiet dwar żvilupp fil-qasam turistiku għandhom ikunu suġġetti għal aktar skrutinju pubbliku mill-kommunitajiet li qegħdin ibagħtu mill-impatti tal-attivita’ li tiġi ġġenerata. Huwa importanti li x-xewqat tal-komunita’ mhux biss jinstemgħu imma tittieħed azzjoni dwarhom,” temm Cacopardo.
2 thoughts on “L-Impatt li qed jħalli l-storbju eċessiv u t-turiżmu”
I am not surprised as the the few establishments that cause this injustice perhaps can offer the Minister a greater reward than than the other high end establishments that operate without needing favor, never mind the poor residents that have to suffer day and night, from loud noise and the inconvenience of the tables and chairs and foul smells and also every other place in the vicinity.
Prosit Perit Cacopardo! Jien lejn il belt filghaxija mhux qed nersaq! Ax dik mhux muzika imma storbju shih.
I am not surprised as the the few establishments that cause this injustice perhaps can offer the Minister a greater reward than than the other high end establishments that operate without needing favor, never mind the poor residents that have to suffer day and night, from loud noise and the inconvenience of the tables and chairs and foul smells and also every other place in the vicinity.
Prosit Perit Cacopardo! Jien lejn il belt filghaxija mhux qed nersaq! Ax dik mhux muzika imma storbju shih.