L-impatti tat-turiżmu fuq il-bidla fil-klima-ADPD

Waqt konferenza stampa f’Tas-Sliema, d-Deputat Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party, Dr Melissa Bagley qalet li  minkejja li l-parlament approva mozzjoni dwar ‘l-emerġenza tal-bidla fil-klima’, imbagħad jibqgħu jappoġġjaw politika li tmur kontra l-miżuri li hemm bżonn jittieħdu biex niffaċċjaw din l-emerġenza. “ Meta se ngħaddu għall-azzjoni?”
Bagley saħqet li hemm bżonn li l-industrija turistika tiġi ristrutturata. “Din l-industrija qed tiekol aktar u aktar spazji pubbliċi bl-appoġġ tal-gvern u b’detriment tal-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll. Xi eżempji riċenti huma l-isfreġju tal-bini tal-lido fix-xatt tal-Gżira u l-attentat biex jittieħed il-baħar u l-kosta f’Marsaskala għal marina. Il-Gvern biddel kemm-il darba l-policies dwar l-ippjanar biex jippermetti l-espansjoni u l-bini ta’ aktar u aktar lukandi. Gvern wara ieħor biddel ukoll l-kundizzjonijiet ta’ art mogħtija suppost għal lukandi biex jippermettu l-ispekulazzjoni u appartamenti residenzjali jew uffiċini flokhom. Dan l-aħħar, kif ilu jiġri f’bajjiet popolari, kellna l-invażjoni ta’ Kemmuna minn operaturi li jitħallew jagħmlu li jridu f’isem ‘l-ekonomija’. L-impatti tat-turiżmu bla kontroll fuq l-infrastruttura, it-trasport, l-ilma u l-elettriku, u l-iskart, kif tixhed l-kriżi ta’ żibel fiz-zoni turistiċi huma kbar.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party, Dr Ralph Cassar qal li l-industrija tat-turiżmu ilha tirċievi kull xorta ta’ għajnuna u riżorsi pubbliċi tul is-snin. Dan mit-taxxi li nħallsu lkoll kemm aħna. “Mhux biss sussidji imma ukoll deċiżjonijiet amministrattivi, inkluż regoli tal-ippjanar imfassla biex taġevola lill-industrija tat-turiżmu għad-detriment tal-komunità residenzjali. Dejjem iridu iżjed! Fl-2019, ġew Malta viċin it-3 miljun turist. Numru kbir li jitfa’ piż mhux żgħir fuq l-infrastruttura tal-pajjiż.
Miżura sempliċi meħtieġa hija li t-turisti jagħmlu tajjeb għall-użu tar-riżorsi f’pajjiżna hija li t-taxxa fuq it-turiżmu (jew aħjar is-sodod tal-lukandi)  li preżentement hi ta’ 50 ċenteżmu kuljum sa massimu ta’ 5 Ewro, tiġi aġġustata ‘l fuq u jitneħħa l-massimu, biex tirrifletti aktar mill-qrib l-impatti tat-turiżmu fuq l-infrastruttura. Id-dħul minn din it-taxxa għandu jsostni t-trasport pubbliku, mezzi nodfa ta’ trasport u s-sigurtà fit-toroq, kif ukoll l-immaniġġjar kif suppost tal-iskart. Mhux ġust li r-residenti ta’ Malta jissussidjaw lit-turist – dan ma jagħmilx sens! Ta’ min isemmi wkoll l-arroganza ta’ ċertu operaturi li jaħsbu li għandhom jitħallew jagħmlu li jridu. Każ speċifiku huwa Zammit Tabona, operatur tal-cruises lejn il-Blue Lagoon f’Kemmuna li qed jargumenta kontra kull forma ta’ kontrolli meħtieġa f’żona protetta bħal Kemmuna. Anzi, dan l-operatur għandu jagħti l-eżempju u jkun obbligat li jikkontribwixxi finanzjarjament għall-fatt li qed jesplojta żona naturali għall-profitt!”
Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo tkellem fuq l-impatti tat-turiżmu u t-trasport bl-ajru fuq il-klima. Bħalissa qed isir kjass minn ċertu politiċi dwar taxxa fuq l-fjuwil li jintuża mill-ajruplani. Din hija waħda minn diversi miżuri meħtieġa biex sal-2030 tinlaħaq mira ta’ tnaqqis ta’ 55 fil-mija tal-gassijiet serra. Inizjattiva ta’ din ix-xorta jkollha l-iskop li l-prezz tat-titjiriet bl-ajru jirrifletti l-ispejjeż kollha li jkun hemm fit-titjira, inkluż dawk ikkawżati mill-emmissjonijiet. Dan iwassal biex jew tinġabar taxxa minn fuq dawk li jivvjaġġaw bl-ajru inkella li jkunu użati mezzi alternattivi ta’ transport u b’hekk il-ħlas tat-taxxa jkun evitat legalment, u jonqsu l-impatti. Fl-Ewropa kontinentali l-ferrovija ħafna drabi hi alternattiva tajba għall-ivvjaġġar bl-ajru mhux biss għax hi ġeneralment effiċjenti imma fuq kollox għax tiġġenera inqas impatti ambjentali.  Fil-każ tagħna, iżda din l-alternattiva hi limitata fl-użu.  Dan bla dubju jżid l-ispiża tal-ivvjaġġar bl-ajru u inevitabbilment fin-numru ta’ turisti: kemm dawk li jiġu f’Malta kif ukoll ta’ Maltin li jmorru banda oħra.
“Filwaqt li għandu jkun hemm konċessjonijiet għal min jgħix fuq gżejjer iżolati, it-turiżmu għandu jerfa’ l-piż tal-impatti tiegħu: hekk titlob il-ġustizzja soċjali u ambjentali. Huwa fl-interess ta’ Malta li l-impatti tat-turiżmu tal-massa jitrażżan qabel ma jkun tard wisq. L-industrija tal-avjazzjoni trid tiġi mbottata b’mezzi ekonomiċi bħat-tassazzjoni biex tirridimensjona ruħha. Mezzi aktar sostenibbli ta’ trasport iridu jiġu aġevolati jekk verament irridu niġġieldu l-bidla fil-klima. Niftakru biss illi bħall-istati gżejjer kollha, Malta inkluża, kif ukoll il-komunitajiet mal-kosta, inkunu minn tal-ewwel li jkollna niffaċċjaw uħud mill-agħar impatti tat-tibdil fil-klima: l-għoli tal-livell tal-baħar. Il-klima tiġi taqa’ u tqum kemm mill-kaz speċjali tagħna, kif ukoll mill-ekonomija. In-natura ma tużax deskriminazzjoni! Tibqa’ għaddejja minn fuqna kif għamlet ma’ ħaddieħor.
Tajjeb li naħsbu dwar dan, għax it-turiżmu qiegħed f’salib it-toroq. Jeħtieġ li jaddatta ruħu bi tħejjija għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Dan hu l-futur tat-turiżmu, u mhux l-eżenzjoni mit-taxxa” ikkonkluda Cacopardo.