Galadarba nifhmu li t-tradiment ta’ pajjiżna li huwa mħaddem miż-żewġ partiti l-kbar li jikkontrollaw il-pajjiż bil-liġijiet li jgħaddu fil-parlament, irridu nibdew nifhmu kif dan iseħħ fil-ħajja ta’ kuljum.
Apparti li dawn idaħħlu nies jaħdmu mal-gvern b’mod addoċċ biex b’hekk jiżguraw il-vot popolari fl-elezzjonijiet ġenerali, il-mod kif il-politiċi, kemm fil-gvern kif ukoll fl-oppożizzjoni, igawdu l-impunità assoluta huwa permezz tal-pulizija.
Kif ġieli nisimgħu, u smajna ħafna f’dawn l-aħħar żminijiet, kulħadd jgħid li jekk hemm xi ħadd li għamel ħażin, ikun sewwa u xieraq li jħallas għal għemilu.
Bl-istess mod, kulħadd jaqbel li qabel ma persuna tiġi misjuba ħatja mill-qrati, tkun preżunta innoċenti.
Madankollu, dak li ħafna forsi jinsew jew saħansitra lanqas jafu huwa li jekk il-pulizija ma tippreżentax il-provi quddiem il-qorti, ebda qorti ma tista’ ssib lil dak li jkun ħati.
Barra minn hekk, meta jidħlu każijiet kriminali, huwa biss il-pulizija f’isem l-istat li tista’ tressaqhom.
Mela, jekk il-pulizija ma tressaqx lil dawk li għamlu ħażin, jew jekk b’xi mod jiġu investigati mis-sistema maġisterjali imma l-evidenza ma tiġix ippreżentata mill-istess pulizija, dawn żgur li qatt ma se jeħlu xejn.
Huwa importanti wkoll li wieħed japprezza li jekk xi membru tal-pulizija jikxef dak li sar waqt li kien fuq xogħolu, dan jitqies bħala reat kriminali, u jekk jinstab ħati, jista’ jiġi mkeċċi mill-korp u jitlef il-pensjoni tiegħu.
Huwa b’dan il-mod li ħadd ma jikxef dak li jaf dwar diversi każijiet li għaddejjin bħalissa. U din hija r-raġuni għaliex, mill-indipendenza ’l hawn, qatt ma ġie pproċessat jew misjub ħati ebda politiku Malti li ttradew pajjiżna biex saru sinjuri huma u sħabhom.
