L-investiment fl-istudenti permezz ta’ stipendji u għotjiet jiżdied b’miljun ewro

L-investiment fl-istudenti permezz ta’ stipendji u għotjiet se jkun qed jiżdied b’miljun ewro għas-sena skolastika u akkademika 2022-2023. Dan meta mqabbel mas-sena skolastika u akkademika li għaddiet. B’hekk l-investiment issa se jkun qed ilaħħaq għal €33 miljun. Għal din is-sena skolastika u akkademika, 17,000 student se jgawdu minn għotjiet u stipendji.
Dan kollu ħabbru l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta kien qed jitkellem mal-ġurnalisti dwar il-ftuħ tal-applikazzjonijiet tal-istipendji. “Nemmnu li l-investiment qawwi u inklussiv fit-tfal tagħna jiggarantixxi suċċess għalihom, għas-soċjetà u għal pajjiżna. L-għan tagħna huwa li nkomplu nibnu sistema li tgħin aħjar lill-istudenti kollha jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ filwaqt li jilħqu l-aspirazzjonijiet kollha tagħhom,” qal il-Ministru Grima, li żied jgħid li f’mument importanti fl-istadju tal-istudju tal-situdenti, qed naraw li jingħataw ukoll appoġġ finanzjarju li jgħinhom matul il-vjaġġ tal-edukazzjoni tagħhom. Il-Ministru Grima ta dettalji dwar il-ftuħ tal-applikazzjonijiet għall-istipendji u għotjiet għas-sena akkademika 2022-23 u wkoll dwar bidla biex minn Students Maintenance Grants, issa se jkunu magħrufa bħala Stipends and Grants. Bidla li saret mhux biss fl-isem, biex ikun identitifikat aktar malajr, imma wkoll ġiet simplifikata s-sistema tal-applikazzjoni għall-istipendji u għotjiet.
Studenti li matul is-sena akademika li għaddiet kienu diġà jibbenefikaw mill-istipendji u għotjiet oħra u ġew promossi fil-kors tagħhom għandhom jaċċessaw l-applikazzjoni tagħhom biex jikkonfermaw id-dettalji tal-kors li qed isegwu ħalli huma wkoll ikomplu jibbenefikaw mill-għoti tal-istipendju u għotjiet. L-applikazzjoni hija miftuħa wkoll għal dawk l-istudenti li għadhom ma kisbux kwalifika fil-livell 6 tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki, inklużi kwalifiki li jwasslu għal kisba ta’ Baċellerat u kwalifiki vokazzjonali, f’istituzzjoni privata jew barra minn Malta permezz tal-iskema ‘Malta Government Undergraduate Scheme’. L-istudenti huma mħeġġa li l-ewwel jaqraw l-informazzjoni provduta fuq is-sit elettroniku tal-għotjiet tal-istipendji u għotjiet oħra ħalli jkollhom għarfien adegwat ta’ dak li huma intitolati għalih kif ukoll id-dokumenti li huma mitluba jipprovdu u jissottomettu fl-applikazzjoni online. L-istudenti huma mħeġġa biex japplikaw kmieni. Dawk l-istudenti li japplikaw sal-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru jibdew jibbenefikaw minnufih mill-ħlas tal-għotjiet u l-istipendji. Studenti li japplikaw sas-Sibt, 31 ta’ Diċembru 2022 ikunu kkunsidrati għall-istipendju sa mill-bidu tas-sena akkademika, filwaqt li dawk li japplikaw tard, jiġifieri wara Diċembru, jibbenefikaw biss mill-għoti tal-istipendji u l-grants minn dik il-ġurnata li jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall-istipendji.
L-applikazzjoni għall-istipendji u għotjiet u iktar informazzjoni tinsab f’din il-paġna: https://education.gov.mt/en/studentsgrants/Pages/default.aspx.​