L-iskema Smart and Sustainable tgħin kumpaniji lokali sabiex ikollhom operat aktar sostenibbli.

Il-kumpanija Danish Bakery ibbenefikat mill-iSmart and Sustainable Investment Grant, skema operata mill-Malta Enterprise li twassal sabiex l-operat tal-kumpaniji jkun aktar sostenibbli. Permezz ta’ din l-iskema, id-Danish Bakery hija waħda mill-kumpaniji li se ttejjeb l-operat tagħha fejn qed tinvesti f’sistema tal-arja kundizzjonata iktar effiċjenti u sostenibbli. Din is-sistema hija ‘adiabatic’ fejn tuża l-ilma biex tkessaħ.
L-iskema Smart and Sustainable hija intiża għal dawk il-kumpaniji li qed jinvestu fi proġetti sostenibbli, b’investiment minimu ta’ €10,000. Dawk eleġibbli jirċievu għajnuna ta’ 50% tal-investiment, sa massimu ta’ €50,000. F’Għawdex, intrapriżi li ilhom imwaqqfa għal aktar minn tliet snin jew fejn il-proġett se jwassal għal tnaqqis drastiku ta’ emissjonijiet CO2, l-applikant jibbenefika minn assistenza addizzjonali f’forma ta’ tax credit sa massimu ta’ €20,000.
Din l-iskema tindirizza ħames tipi ta’ investiment: (i) l-użu effiċjenti tal-ilma, (ii) sorsi ta’ materjali iktar ħodor u sostenibbli li jtawlu ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott u li jkun aktar faċli li tirriċikla, (iii) l-immaniġġjar aħjar tal-iskart u użu tar-riżorsi, (iv) proċessi aktar diġitali li jwasslu biex l-intrapriża tkun iktar qrib il-klijenti tagħha u toffri servizzi ta’ kwalità; u  (v) l-użu effiċjenti tal-enerġija.
Waqt żjara mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia, iċ-Chairman tal-kumpanija Alex Mallia u l-Kap Eżekuttiv Ian Genuis spjegaw ix-xogħol li qed isir fi ħdan il-kumpanija.
Il-Ministru Dalli saħqet li, “Il-ħidma favur l-ambjent u s-sostenibbilità trid tiġi minn kull qasam u settur, inkluż dak ekonomiku. Mal-intrapriżi qed naħdmu biex inkomplu nħeġġu operat li jżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jnaqqas l-emissjonijiet. Dawn it-tip ta’ investimenti jikkontribwixxu b’mod pożittiv favur l-ambjent filwaqt li joħolqu opportunitajiet għal ħolqien ta’ karrieri ġodda, speċjalment fl-oqsma tal-ekonomija l-ħadra: il-green jobs. Flimkien mal-Malta Enterprise, intenni l-impenn tagħna biex insaħħu żvilupp ekonomiku mibni fuq is-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia rrimarka kif din l-iskema ġġenerat interess mill-intrapriżi dwar kif jista’ jkollhom operat aktar sostenibbli u diġitali; “Din l-iskema iġġenerat interess u sens ta’ ħsieb fost l-intrapriżi tagħna ta’ kif wieħed jista’ jindirizza l-proċessi tal-operat, u jidentifika tibdil għal proċessi iktar sostenibbli u diġitali. Bħala Malta Enterprise, qegħdin kontinwament immorru għand kumpaniji f’diversi setturi, fosthom tal-manifattura u anke servizzi, u nispjegaw kif  jistgħu jibbenefikaw minn skemi differenti.”
Iċ-Chairman tad-Danish Bakery stqarr li dan l-investiment qed isaħħaħ il-kompetittività tal-kumpanija. “Bl-investiment li għamilna, qed nibbenefikaw kważi mill-massimu tal-assistenza eliġibbli. Fiċ-ċirkustanzi preżenti qed naraw kif inkomplu ninvestu fl-operat tagħna fuq diversi livelli biex insaħħu r-reżiljenza tagħna. Fil-Malta Enterprise nsibu min jifhem il-ħtiġijiet tagħna bħala kumpanija u kif nistgħu nibqgħu niġġeddu,” temm jgħid is-Sur Mallia.