X’jiswa li l-Gvern jibqa’ għaddej b’ħafna retorika dwar investiment fi spazji miftuħa jekk il-ftit li baqa’ qed iħallihom jingħataw għall-bini? Dan qalu waqt konferenza stampa f’Santa Luċija dalgħodu Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ ADPD – the Green Party huwa u jitkellem dwar il-ħtieġa tal-ispazji miftuħa bħala element essenzjali għal kwalità tal-ħajja aħjar.
Id-Deputat Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Sandra Gauci qalet li l-ispazji miftuħa kulma jmur f’Malta qegħdin dejjem jonqsu għax il-kilba ta’ ċertu żviluppaturi tmur lilhinn minn x’inhu ta’ ġid għan-nies u tiffoka fuq x’inhu ta’ ġid għal buthom biss. Tinjora kompletament is-saħħa mentali tar-residenti u l-kwalità tal-ħajja li mhux ikkalkulata b’kemm għandek flus il-bank imma kemm tgħix f’paċi u għandek ħin għal ħajja personali tiegħek u għal ma’ tal-familja.
Il-lokalità li qegħdin fiha illum, Santa Luċija, inbniet b’dan il-għan u bħalissa l-kwalità tal-ħajja tar-residenti qed tiġi mhedda mhux biss b‘bini għoli li se jkerrah u jistona mal-bini tal-madwar iżda wkoll bini ta ċentru ċiviku u xogħol ta’ landscaping li se jnaqqar aktar il-karatteristici ta’ dan ir-raħal kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tiegħu. Dan riżultat tal-ammont ta’ trab u traffiku li se jiġġeneraw fejn bħalissa huwa pjuttost kwiet meta nikkumparawh ma’ postijiet oħra urbanizzati. Fejn qabel wieħed kien jaħseb li l-lokalità tiegħu ma kienitx se jispiċċa taħt il-mannara tal-iżviluppaturi, issa forsi kulħadd qed jirrealizza li l-kilba tal-iżviluppaturi għall-flus tista’ ssibha wara biebek u li l-ebda lokalità żgħira kemm hi żgħira ma hi ser teħlisha.
Il-lokalità li qegħdin fiha illum, Santa Luċija, inbniet b’dan il-għan u bħalissa l-kwalità tal-ħajja tar-residenti qed tiġi mhedda mhux biss b‘bini għoli li se jkerrah u jistona mal-bini tal-madwar iżda wkoll bini ta ċentru ċiviku u xogħol ta’ landscaping li se jnaqqar aktar il-karatteristici ta’ dan ir-raħal kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tiegħu. Dan riżultat tal-ammont ta’ trab u traffiku li se jiġġeneraw fejn bħalissa huwa pjuttost kwiet meta nikkumparawh ma’ postijiet oħra urbanizzati. Fejn qabel wieħed kien jaħseb li l-lokalità tiegħu ma kienitx se jispiċċa taħt il-mannara tal-iżviluppaturi, issa forsi kulħadd qed jirrealizza li l-kilba tal-iżviluppaturi għall-flus tista’ ssibha wara biebek u li l-ebda lokalità żgħira kemm hi żgħira ma hi ser teħlisha.
Li jkollok aktar minn elf resident li jippreżenta ilment kontra dan il-bini minn lokalità ta madwar 4000 ruħ turi kemm dan il-proġett se jeffettwa b’mod negattiv lir-residenti. Dawn għandhom jingħataw widen. M’għandhomx jiġu trattati bħala ċittadini tat-tieni klassi: ħafna minnhom huma residenti anzjani li kulma jridu hu li jkomplu jgħixu l-ħajja trankwilla b’moħħhom mistrieh fid-dar tagħhom. Il-biża’ li tispiċċa fid-dlam meta tittawwal mit-tieqa u tara ħajt ma’ wiċċek, apparti t-trabijiet mill-iskavar u t-theżżiz li jipperikola l-bini eżistenti huma theddidiet reali li b’naqra ħsieb jistgħu jiġu evitati, temmet tgħid Gauci.
Iċ-Chairperson tal-ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo qal li waħda mit-tagħlimiet mill-pandemija tal-Covid-19 kien kemm in-nuqqas ta’ spazji miftuħa ħalla impatt fuq is-saħħa mentali ta’ dawk li spiċċaw magħluqin bejn l-erba’ ħitan ta’ djarhom.
Il-lokalità ta’ Santa Luċija kienet ġiet ippjanata b’tali mod u manjiera li tħallew ħafna spazji miftuħa għat-tgawdija tar-residenti. Tabilħaqq dan kellu jkun mudell ta’ żvilupp li jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti imma li matul is-snin ġie skartat u minsi. Minflok għandna żvilupp intensiv ta’ l-art li jfittex biss li jimmassimizza il-profitti.
Il-proġett propost f’Santa Luċija permezz tal-applikazzjoni numru PA5152/22 proprju jieħu spazju miftuħ ta’ 1,273 metru kwadru u jiżviluppah fi kważi 50 residenzi u 75 garaxxijiet fuq ħames sulari. Dan se jkun ta’ theddida għal karattru uniku ta’ din il-lokalita’ u jbiddel il-fiżjonomija tagħha b’bini li huwa żewġ jew tliet sulari ogħla minn dak tal-madwar. Dan l-ispazju kien parti mid-disinn oriġinali tal-lokalità, intiż bħala spazju miftuħ biex joffri pulmun essenzjali lill-komunità. Mingħajru il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tieħu daqqa ‘l isfel.
Din l-applikazzjoni hija konsegwenza diretta tal-pjanijiet lokali u r-rationalisation exercise tal-2006 li riżultat tiegħu, 2 miljun metru kwadru ta’ art saru tajjeb għall-iżvilupp meta qabel kienu jew spazju miftuħ inkella barra miż-żona tal- żvilupp. Minkejja l-kritika kollha li saret minn diversi naħat il-partiti fil-parlament, dakinhar, ma’ kellhomx il-kuraġġ li jgħidu “issa daqshekk” għal dan l-iżvilupp bla sens. ADPD – the Green Party ilha tinsisti li l-ftit spazji li għad fadal mhux mittiefsa f’żoni urbani għandhom jibqgħu hekk għax joffru pulmun essenzjali għall-komunità.
Filwaqt li l-Ministru tal-Ambjent qegħda tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ spazji miftuħa, għandek l-Awtorità tal-Ippjanar li ripetutament tkompli tapprova li spazji miftuħa eżistenti jiġu żviluppati b’mod mill-aktar intensiv bħalma hija din ta’ Santa Luċija. Għal darba oħra il-kwalità tal-ħajja tar-residenti qegħda tiġi mhedda minn min għax għandu l-flus jiflaħ iħawwel, temm Cacopardo.