Il-proposta ta’ tkissir ta` żrar fuq il-post f’barriera fl-Imqabba mhux biss huwa ta dannu għall-ambjent tal-madwar imma huwa ta’ ħsara għas-saħħa kemm fiżika kif ukoll mentali tar-residenti. L-istituzzjonijiet li suppost jipproteġu liċ-ċittadin komuni minn proġetti ta’ dan it-tip qegħdin jonqsu milli jagħmlu dan. ADPD – The Green Party minn dejjem oġġezzjona għal żviluppi bħal dawn li jkomplu jgħarrqu il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin filwaqt li l-operaturi jkomplu jħaxxnu bwiethom. Dan qaluh il-kelliema ta’ ADPD – The Green Party meta indirizzaw konferenza stampa fl-Imqabba dalgħodu.
Id-Deputat Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party, Dr Melissa Bagley qalet li l-applikazzjoni PA0350/22 tinkludi tkissir fuq il-post u ħażna ta’ żrar fil-miftuħ, fost affarijiet oħra. Din l-applikazzjoni hija oġġezzjonabbli għal diversi raġunijiet.
L-impatt ewlieni li se jkunu qegħdin isofru ir-residenti u t-tfal li jattendu l-iskola primarja ta’ kuljum huwa l-ammont kbir ta’ trabijiet li jiġuġġenerat minn l-attività fil-barriera. Hemm ukoll l-istorbju li kif urew studji ripetutament jaffettwa ukoll is-saħħa ta’ kulħadd. Diġà l-ERA waqqfet l-operazzjoni tal-barriera fuq ilment tan-nies, wara li dawn kienu ilhom ħafna jilmentaw.
Aħna infurmati li sakemm twaqqfet mill-ERA, l-attività f’din il-barriera ġieli kienet tibda minn kmieni, saħansitra fl-4 ta’ filgħodu u kienet tibqa’ sejra anke sa’ tard bil-lejl, sad-9 ta’ filgħaxija. Kienu diversi r-residenti li ressqu l-ilmenti tagħhom biex l-ERA fl-aħħar aġixxiet.
Mhux aċċettabbli li l-impatti tat-trabijiet u l-ħsejjes jiġu kkonsidrati biss fl-istadju tal-permess ambjentali, għaliex dawn huma wkoll ta’ natura ta’ ippjanar. ADPD – The Green Party ressqet oġġezzjoni għal din l-applikazzjoni minħabba dan kollu u qegħdin nitolbu biex din tiġi rifjutata, temmet Bagley.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo qal li l-partit minn dejjem oġġezzjona għal żviluppi bħal dawn viċin żoni residenzjali li jkomplu jgħarrqu il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin filwaqt li l-operaturi jkomplu jħaxxnu bwiethom.
ADPD – The Green Party ilu jirċievi ilmenti dwar dak li kien għaddej f’din il-barriera u żgur mhux il-każ li din l-attività tiżdied! Bit-trabijiet li wieħed jista’ jara b’għajnejh meta l-irjieħ jonfħu fid-direzzjoni tar-residenzi wieħed jimmaġina dan x’ifisser għas-sistemi respiratorji tar-residenti u tat-tfal fl-iskola primarja.
Madwar 20 sena ilu, il-MEPA kienet ippubblikat ‘Minerals Subject Plan’ għall-gżejjer Maltin dwar ir-regolamentazzjoni tal-barrieri. Dak il-pjan kien in parti jiffoka fuq l-impatt li operazzjonijiet ta’ dan it-tip kienu jħallu fuq terzi persuni, b’mod partikolari għar-rigward ta’ trabijiet u ħsejjes.
Fost affarijiet oħra, dan il-pjan kien indika li permessi tal-ippjanar kellhom jaraw li jiġi minimizzat l-impatt tal-istorbju billi jiġu ristretti il-ħinijiet tal-operat u jiġu stabbiliti livelli massimi ta’ ħsejjes permissibbli. Fejn jidħlu trabijiet, il-pjan kien jirrakkomanda li jiġu studjati id-direzzjoni tar-riħ u li ż-żrar maħżun għandu jkun mgħotti. Imma dan il-pjan jidher li sparixxa minn fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Fl-applikazzjoni tal-lum id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali naqas milli jagħmel s-sottomissjonijiet tiegħu kif l-impatti negattivi mill-ħsejjes u t-trabijiet iġġenerati għandhom effett fuq is-saħħa.
L-ERA min-naħa tagħha għamlet numru ta’ kondizzjonijiet li wieħed madankollu għandu jara li, jekk jinħareġ permess, jiġu inklużi fi kwalunkwe permess li jingħata kemm tal-ippjanar kif ukoll dak operattiv mill-ERA innifisha.
Kemm id-Dipartiment tal-Edukazzjoni – meta l-iskola primarja kważi tmiss mas-sit tal-barriera innifisha – kif ukoll il-Kunsill Lokali tal-Imqabba s’issa baqgħu siekta. Għal darboħra, l-istituzzjonijiet li suppost jipproteġu liċ-ċittadin komuni minn proġetti ta’ dan it-tip qegħdin jonqsu milli jagħmlu dan.
Impjanti simili mhux posthom daqshekk viċin ta’ residenti u saħansitra skola. “Huwa inaċċettabbli li operaturi kummerċjali jiġu jaqgħu u jqumu mir-residenti.”
“Il-kwalità tal-ħajja tan-nies għandha tiġi mħarsa bil-fatti u mhux bil-paroli”, temm jgħid Cacopardo.