L-IVF u l-embrijuni ffriżati

Hekk kif pajjiżna wasal għall votazzjoni fil-parlament rigward l-IVF ma stajtx ma nikkumentax u naqsam il-ħsibijiet tiegħi fuq dan it-topik li bħalissa jinsab fuq fomm bosta nies saħansitra professjonisti fil-qasam mediku.
Fl-10 ta’ Ġunju, Doctors for Life tellgħu post fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook fejn kitbu li hemm soluzzjoni oħra minflok l-iffriżar ta’ l-embrijuni. Dan jissejjaħ Polar Body testing fejn dan jagħtina l-possibilità li nidentifikaw il-mard fil-bajda tal-omm. “Jekk jiġi identifikat xi mard, dak il-bajd ma jintużax għall-proċess tal-IVF biex nevitaw milli niffurmaw embrijuni morda.” Jekk wieħed juża dan il-proċess jevita mijiet ta’ embrijuni li jiġu mwarrba u ffriżati għall żmien indefinit.B’dan il-mod jiġi identifikat xi mard u dak il-bajd ma jintużax għall-proċess tal-IVF u jkun jista’ jiġi evitat milli jiffurmaw embrijuni morda.
Din l-alternattiva ġiet ippublikata ukoll fuq is-sit ta’ L-Arċidjoċesi ta’ Malta. Skond l-artiklu mtella’ mil-knisja li s-sors kien meħud  minn Newsbook, 388 embrijun “normali” għadhom ffriżati.
Il-pedjatru Joseph Mizzi qasam ukoll il-ħsibijiet tiegħu permezz ta’ post fuq il-profil personali tiegħu. Hu kiteb “Ċkejken wisq u bla vuċi l-embrijun b’difett ġenetiku biex nagħtu każu u nirrispettawh; għalhekk inwarrbuh, niffriżawh (biex insikktu l-kuxjenza); eventwalment jintesa u jintrema. Il-fatt jibqa’ li l-embrijun, bħali u bħalek, huwa ħajja umana.
Persuni mil-qasam politiku ukoll esprimew it-tħassib fuq il-proposta ta’ l-IVF, fosthom Dr.Adrain Delia mill-Partit Nazzjonalista fejn kiteb fuq post “Jiena nemmen li b’kull mezz possibbli dawk li jixtiequ jkollhom l-ulied għandhom ikollhom l-għajnuna u l-mezzi kollha sabiex jiċċelebraw id-don tal-ħajja.
Dan iżda sakemm b’ebda mod ma nkunu qed nipperikolaw b’ebda mod il-ħajja, anke jekk fil-bidu nett tagħha.
Kull test fuq il-bajda tal-mara li ma tkunx iffertilazzata ma tkunx qed tipperikola l-ħajja.”
Il-membri parlamentari taż-żewġ Partiti,PL u PN ser jieħdu deċiżjoni fil-parlament u jivvutaw għada l-Erbgħa 6ta’ Lulju għall-ħajjiet ta’ mijiet t’embrijuni.
Jien nistaqsi lill dawn in-nies li jirrapreżentaw il-poplu, intom qegħdin hemm għax il-poplu wera’ fiduċja fikom (għajr għal xi ftit li daħlu l-parlament minħabba li huma nisa),
  • Ser tivvutaw favur il-ħajja umana jew skond dak li jgħidulkom il-mexxeja tagħkom ?
  • Meta tafu li hemm alternattiva sabiex dawn il-ħajjiet innoċenti jistgħu jiġu salvati, sejrin tikkunsidraw dawn l-alternattivi ?
  • Tafu li dan ser jwassal għal ewġenika fejn b’dan il-mod tista’ timmodifika t-tfal skond il-gosti tal-ġenituri ?
  • Jgħaddilkom minn moħħkom l-ewġenika x’tista twassal fis-soċjeta ?
Intom li qegħdin fil-Parlament BISS tistgħu tieħdu din id-deċiżjoni għalhekk qabel tivvutaw ninkoraġġikom tagħmlu riċerka profonda sabiex tkunu tafu għall xiex ser tivvutaw u x’inhuma l-konsegwenzi li hemm b’dak il-vot.

Miktuba minn- Rita Bonnici