Bħala l-ewwel impenn tiegħu relatat mal-laqgħa tal-Arraiolos Malta, il-President George Vella l-bieraħ waranofsinhar laqa’ lill-President tal-Ungerija, Katalin Novák, fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Fit-taħditiet uffiċjali ġew diskussi l-aħħar żviluppi dwar il-gwerra fl-Ukrajna u l-effetti immedjati tagħha fuq is-sigurtà tal-enerġija. L-iskambji kkonċernaw ukoll it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, fejn iż-żewġ presidenti saħqu dwar l-importanza li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jibqgħu jagħmlu progress. Il-migrazzjoni u kwistjonijiet demografiċi oħra ġew diskussi flimkien mad-djalogu li għaddej bħalissa bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Ungerija fil-kuntest tal-istat tad-dritt.
Il-President Vella ħa din l-opportunità biex jilqa’ lill-President Novák fil-Grupp Arraiolos peress li din hija l-ewwel okkażjoni li fiha hija qed tirrappreżenta lill-Ungerija f’dan il-format.
Għas-sensiela ta’ laqgħat bilaterali ma’ kapijiet ta’ stat oħrajn, il-President Vella qed jiġi akkumpanjat mill-Aġent Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Ministru Owen Bonnici.