Laqgħa informali tal-Ministri għall-Protezzjoni tal-Konsumatur

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli pparteċipat f’laqgħa informali għall-Ministri tal-Protezzjoni tal-Konsumatur li saret nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Settembru fi Praga, ir-Repubblika Ċeka. L-iskop ta’ din il-laqgħa kien li jiġu diskussi kif il-liġijiet tal-konsumatur jistgħu jiġu infurzati b’mod aktar effettiv biex ikunu protetti minn prattiċi qarrieqa meta jsir xiri online minn bejjiegħa li ġejjin minn pajjiżi mhux fl-Unjoni Eworpea, l-isfidi l-ġodda għall-protezzjoni tal-konsumatur minħabba l-gwerra fl-Ukrajna u ideat dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar.
Waqt l-intervent tagħha dwar l-infurzar tal-liġijiet tal-konsumatur, il-Ministru Farrugia Portelli rrimarkat li ż-żieda fix-xiri online qed toħloq sfidi ġodda kemm għall-konsumaturi li jagħżlu li jixtru b’dan il-mod u anke għall-awtoritajiet biex jinfurzaw il-liġi. Hi nnutat kif wieħed minn kull ħames konsumaturi qegħdin jixtru online minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea. Kompliet tgħid li huwa għalhekk importanti li l-qafas legali jkun imsaħħaħ. Malta proponiet li jiġu introdotti numru ta’ obbligi fuq bejjiegħa li jaħdmu minn barra l-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, ġew diskussi diversi possibbiltajiet fosthom li dawn il-bejjiegħa jistabbilixxu rappreżentanza legali fl-Unjoni Ewropea.
Sabiex konsumaturi li jixtru online mingħand bejjiegħa barranin ikollhom protezzjoni aktar b’saħħitha meta tinqala’ problema, hemm bżonn li l-proċeduri tal-ADR (Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim) ikunu aktar effettivi. Fir-rigward ta’ pjattaformi ta’ xiri kbar immirati lejn il-konsumatur Ewropew u li joffru xi tip ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, qed jiġi propost li dawn ikollhom l-obbligu li josservaw  prinċipji minimi ta’ imparzjalità u indipendenza u jkunu impenjati lejn soluzzjonijiet ġusti ta’ tilwim. Il-Ministru semmiet id-diversi miżuri ekonomiċi li ħa l-Gvern Malti biex jittaffa l-impatt tal-inflazzjoni bħall-iskema fuq l-importazzjoni taċ-ċereali, id-dqiq u l-għalf tal-annimali. Dan kien kruċjali biex prodotti bħal ħobż u ħalib m’għolewx. L-istess l-intervent tal-Gvern dwar l-enerġija sabiex ma jogħlewx il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li fissret li kull familja Maltija u Għawdxija qed tiffranka €1,700 fis-sena. Dan kollu wassal biex pajjiżna għandu l-anqas rata ta’ inflazzjoni fiż-żona Ewro.
Waqt il-laqgħat fi Praga saret diskussjoni dwar x’tip ta’ għajnuna qed jagħtu l-istati membri lil refuġjati Ukreni. Il-Ministru Farrugia Portelli semmiet l-isforzi li saru fuq livell nazzjonali biex jiġi pprovdut appoġġ lir-refuġjati Ukreni fosthom il-kontinwità edukattiva għat-tfal Ukreni u l-assistenza fl-akkomodazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ affarijiet essenzjali bażiċi tal-ikel u l-iġjene. Il-laqgħa tal-Ministri Ewropej tal-Konsumatur iddiskutiet ukoll ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar tal-2015. Ġew diskussi regoli ġodda sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-konsumaturi meta l-vjaġġ ibbukkjat jiġi mħassar filwaqt li ġew ikkunsidrati wkoll id-diffikultajiet tal-operaturi tal-ivvjaġġar f’każ ta’ tħassir tal-massa kif ġara waqt il-pandemija. Malta saħqet li hu importanti li jkunu introdotti obbligi business to business, biex b’dan il-mod negozji żgħar ma jkunux esposti meta jkunu għamlu tranżazzjoni barra l-pajjiż.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti Nancy Caruana u mid-Direttur Ġenerali mill-Uffiċċju tal-Konsumatur Grace Stivala.​