Malta tingħaqad mal-pajjiżi tal-Commonwealth f’sejħa għall-għaqda globali sabiex titreġġa’ lura l-armonija madwar id-dinja
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg mexxa t-68 laqgħa tal-Grupp t’Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth (CMAG), li tlaqqa’ f’Londra t-Tlieta, waqt il-Ġimgħa tal-Commonwealth.
Il-laqgħa tat-Tlieta waranofsinhar kienet l-ewwel waħda minn meta ġew maħtura l-membri ta’ CMAG għal dan it-terminu, u meta d-Deputat Prim Ministru Borg ġie elett Chairperson tal-Grupp t’Azzjoni għas-sentejn li ġejjin. Id-disa’ membri ta’ CMAG iddiskutew u analizzaw l-aħħar żviluppi f’diversi pajjiżi, speċjalment dawk li għaddejjin minn tranżizzjoni demokratika. Tkellmu wkoll dwar il-ħidma tas-Segretarjat Ġenerali tal-Commonwealth kif ukoll l-impenn ta’ din l-Organizzazzjoni sabiex issaħħaħ il-governanza politika.
Fil-kummenti tiegħu, Dr Borg irrifletta dwar l-importanza ta’ CMAG, hekk kif irringrazzja lill-membri l-oħra tal-Grupp għas-sehem tagħhom. “Aħna l-gwardjani tal-valuri fundamentali u l-prinċipji tal-Commonwealth. Irridu niggwidaw u nappoġġjaw lill-pajjiżi membri fil-promozzjoni u l-ħarsien ta’ dawn il-valuri. Fejn ikun meħtieġ, imsejħin ukoll biex nieħdu deċiżjonijiet diffiċli sabiex nipproteġu dawn il-valuri,” qal id-Deputat Prim Ministru u Chairperson ta’ CMAG.
Il-Grupp t’Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth jinkludi lil Antigua u Barbuda, Botswana, Kanada, Grenada, Malasja, Malta, Mauritius, Samoa u Żambja.
Nhar it-Tnejn, il-Jum iddedikat għall-Commonwealth, id-Deputat Prim Ministru rrappreżenta lil Malta f’servizz multireliġjuż f’Westminster Abbey, bis-sehem tas-56 pajjiżi membri, sabiex jaffermaw id-diversità u l-għaqda fi ħdan il-Commonwealth.
“Malta tingħaqad mal-pajjiżi membri kollha tal-Commonwealth, hekk kif intennu l-impenn tagħna lejn il-prinċipji u l-valuri tal-Karta tal-Commonwealth, fil-ħidma lejn l-għaqda u soluzzjonijiet globali biex negħlbu sfidi komuni, sabiex niżguraw il-paċi, l-ugwaljanza, l-prosperità u s-sostenibilità. Naħdmu flimkien għal futur aħjar – għandna dmir li nagħmlu dan, dmir lejn iż-żgħażagħ, lejn il-komunitajiet tagħna u lejn il-ġenerazzjonijiet t’għada,” stqarr id-Deputat Prim Ministru Borg.