Il-Korp tal-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta kisbu tragward importanti f’ħidmiethom favur iċ-ċittadin wara li studju tal-Ewrobarometru wera kif il-poplu Malti u Għawdxi għandu l-ogħla rata ta’ fiduċja fil-Korp tal-Pulizija fl-aħħar għaxar snin u fil-Forzi Armati ta’ Malta minn mindu bdiet tinġabar l-istatistika.
Fil-fatt l-istudju kkummisjonat minn istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea juri fiduċja ta’ 80% fil-Forzi Armati ta’ Malta, żieda ta’ 8% fuq l-istudju ta’ qabel dan. L-istess studju juri fiduċja ta’ 69% fil-Pulizija, li jfisser qabża ta’ 15% fuq ir-rapport preċedenti tal-Ewrobarometru. Dan ir-riżultat ifisser li Malta tinsab mal-mejda Ewropea meta tiġi għall-fiduċja fil-Korp tal-Pulizija filwaqt li l-fiduċja fl-Armata tiżboq il-medja Ewropea b’9%.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri saħaq li dan l-istħarriġ huwa konferma li l-poplu qed japprezza aktar l-irwol u l-impenn tal-korpi dixxiplinarji biex jagħtu servizz aħjar liċ-ċittadini. Il-Ministru Camilleri nnota wkoll il-ħidma kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-droga, filwaqt li l-proġett tal-Pulizija fil-Komunità kompla jiġi estiż biex illum diġà għandna tliet kwarti tal-pajjiż kopert b’dan il-proġett. Il-Ministru Camilleri fakkar ukoll kif il-korp beda jagħti servizz ġdid immirat lejn il-vittmi tal-kriminalità. Dan f’kuntest ukoll li mis-sena l-oħra sal-lum, ir-reati naqsu bi kważi 7%.
Il-Ministru Byron Camilleri nnota ukoll kif fil-Forzi Armati ta’ Malta kompla għaddej xogħol qawwi ta’ investiment fl-għodda u l-apparat użat mill-membri tal-FAM. Dan ukoll qed iwassal sabiex il-ħaddiema jkunu mħarrġa aħjar. Fuq kollox sar investiment fil-ħaddiema fejn bi €8.2 miljun iżjed fis-sena, is-suldati qed jaraw titjib qawwi fil-kundizzjonijiet tagħhom.
“Dan mhux il-punt tal-wasla iżda konferma ta’ kemm nistgħu nkomplu nibnu fuq it-tajjeb li sar u qed ikompli jsir fl-aħħar snin. Din hija konferma li t-tiġdid fil-Korpi Dixxiplinarji qed iservi sabiex in-nies qed jafdaw aktar lill-forzi tal-ordni. L-impenn tagħna hu li nibqgħu nagħtu l-għodda u r-riżorsi biex il-forzi tal-ordni jibqgħu jaħdmu favur is-sigurtà tan-nies”, temm jgħid il-Ministru Camilleri.