Tliet snin wara l-laqgħa Ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran (UfM) dwar l-Impjiegi u x-Xogħol f’Marrakech, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol iħabbar li Malta ser tospita s-sitt laqgħa Ministerjali tal-UfM dwar l-Impjiegi u x-Xogħol. Din il-laqgħa ministerjali ser ssir f’Malta fit-13 u l-14 ta’ Ottubru 2025. L-Unjoni għall-Mediterran hija organizzazzjoni intergovernattiva li ġġib flimkien 43 pajjiż bil-għan li tippromwovi d-djalogu u l-koperazzjoni fir-reġjun Ewro-Mediterranju.
Il-laqgħa ministerjali ser tiffoka fuq il-futur tax-xogħol, l-iżvilupp tal-ħiliet u t-talent, b’enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ u n-nisa. Il-laqgħa Ministerjali tikkonsisti f’konferenza Ministerjali fit-13 ta’ Ottubru, segwita minn laqgħa Ministerjali fl-14 ta’ Ottubru, fejn ser tiġi adottata dikjarazzjoni Ministerjali.
Dwar din l-aħbar, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, qal li “Malta hija onorata li tospita din il-laqgħa ministerjali importanti, li ser isservi bħala pjattaforma għal diskussjonijiet sinifikanti dwar l-impjiegi, il-ħiliet u l-futur tax-xogħol fil-Mediterran. Bħala Malta, ser insostnu l-impenn tagħna biex insaħħu l-koperazzjoni bejn l-istati membri tal-UfM sabiex nassiguraw azzjonijiet konkreti li jtejbu l-opportunitajiet għall-ħaddiema, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u n-nisa. Permezz ta’ din il-laqgħa Ministerjali dwar l-impjiegi u x-xogħol, Malta ser terġa’ tafferma d-dedikazzjoni u l-ħidma tagħha biex tibni suq tax-xogħol b’saħħtu, reżiljenti u inklussiv. Dan huwa wkoll f’konformità mal-Malta Labour Migration Policy li ppubblikajna bħala Gvern Malti, li għandha l-għan li filwaqt li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ikollhom is-servizzi li jeħtieġu u li jixtiequ, fl-istess ħin il-kontrolli ta’ min jidħol jaħdem f’pajjiżna mhux biss ikunu f’idejn l-awtoritajiet Maltin, iżda jiġu mħaddma fl-interess tas-soċjetà Maltija fejn jirbaħ dejjem l-interess tal-ħafna u mhux tal-ftit.”
Il-laqgħa Ministerjali tal-UfM ser tipprovdi opportunità importanti għall-istati membri biex jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-politika tal-impjiegi u jsaħħu l-kollaborazzjoni favur tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi.
Il-Ministeru jħares ‘il quddiem biex jilqa’ lill-Ministri u d-delegati parteċipanti f’Malta għal dan l-avveniment importanti.