Malta teħtieġ Viżjoni 2050 alternattiva: viżjoni ħadra

Għandna bżonn Viżjoni 2050 alternattiva, viżjoni ħadra, li tapprezza u
tħares il-wirt naturali. Għax ekonomija li ma tirrispettax
lill-ekoloġija ħsara biss tagħmel u m’għandniex bżonnha. Dan qaluh
il-kelliema ta’ ADPD-The Green Party f’konferenza stampa li fiha
fissru l-ewwel reazzjonijiet tal-partit għall-Viżjoni 2050
ippubblikata mill-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika iktar kmieni din
il-ġimgħa.

Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson qal li l-Viżjoni 2050 li
ppubblika l-Gvern hu pjan ta’ żvilupp igglorifikat, stil ġdid ta’ kif
qed jiġi ppreżentat pjan ekonomiku. Bħala viżjoni hi imċajpra, u
tinjora materji ta’ natura fundamentali. Il-bidla fil-klima ma
tingħatax l-importanza ċentrali: minkejja li din hi realtà li qed
naraw l-effetti tagħha b’għajnejna kuljum.

Il-pilastri strateġiċi proposti, li huma erbgħa, żied jgħid Cacopardo,
jonqoshom pilastru ta’ importanza fundamentali: dak ekoloġiku.
Il-ħidma ekonomika li ma tirrispettax l-ekoloġija ma għandniex
bżonnha. Hu għalhekk li illum il-ġurnata qegħdin niffaċċjaw diżastri
naturali wieħed wara l-ieħor. Għax tul is-snin il-ħidma ekonomika
naqset milli tindirizza l-impatti ambjentali.

Cacopardo kompla jgħid li riżultat ta’ hekk l-ilma tal-pjan
prattikament spiċċa, il-bijodiversità hi mhedda, l-art agrikola
kontinwament tingħata għall-bini, il-klima qed tinbidel b’rata
drastika, u sadanittant il-Viżjoni 2050 proposta mill-Gvern tagħti
importanza insinifikanti lil dawn il-materji fundamentali.

Hu tajjeb li l-viżjoni 2050 temfasizza li r-riga ekonomika waħedha
(GDP) mhux suffiċjenti biex tkejjel il-progress. Dan hu pass tajjeb u
fuq perjodu ta’ żmien jista’ jissarraf f’ġid permezz ta’ għarfien
aħjar ta’ x’inhu meħtieġ biex il-ħidma politika tkun tista’ twassal
għal kwalità tal-ħajja aħjar, bis-serjetà.

Sadanittant, imma, l-Viżjoni 2050 tonqos milli tidentifika l-ħarsien
tal-wirt ekoloġiku bħala pilastru strateġiku li jimmotiva l-ħidma ta’
kull wieħed u waħda minna. Fuq quddiem nett, imma, f’din il-ħidma hemm
bżonn ta’ impenn mill-amministrazzjoni pubblika. Il-ħarsien ta’ dak li
baqa’ mill-wirt naturali flimkien mar-restawr tan-natura mill-ħsara
ambjentali li kkawżaw ta’ qabilna u li komplew fuqha wħud fostna hi
għalina ta’ prijorità ewlenija f‘ Viżjoni 2050 alternattiva,
ikkonkluda Cacopardo.

Sandra Gauci, Chairperson tal-partit qalet li dan il-pilastru
ekoloġiku, li hu nieqes fil-Viżjoni 2050 kif ippubblikata mill-Gvern
għall-konsultazzjoni pubblika għandu jkun imżewweġ ma’ politika serja
dwar l-żvilupp sostenibbli. Politika li tħares fil-bogħod meta
tippjana, jiġifieri tqis sewwa l-impatti mhux biss fuqna illum imma
ukoll fuq il-ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna.

Il-ġenerazzjonijiet futuri m’għandhomx vot illum, u allura l-politika
li ssostni l-Viżjoni 2050 tinjorahom. Politika ta’ żvilupp sostenibbli
serja dan ma tagħmlux għax tfittex qabel kollox li tqis sewwa li
bid-deċiżjonijiet li nieħdu illum nassiguraw li dawk li ġejjin warajna
ikollhom huma ukoll il-possibilità li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom.

Minflok dan, il-klassi politika tal-lum qed tgħabbi (s’issa) ħdax-il
biljun Euro dejn nazzjonali fuq il-ġenerazzjonijiet ta’ għada u dan
flimkien ma’ kapital naturali dilapidat. Dan kollu il-Viżjoni 2050
m’għandhiex tinjorah.

Minflok dan kollu aħna nipproponu viżjoni alternattiva, viżjoni ħadra
bbażata fuq ir-realtà nnegabbli li l-bniedem hu parti integrali
mill-ambjent naturali u li allura jeħtieġ li l-ħidma kollha tagħna
tkun f’armonija mal-wirt naturali li baqa’. Jeħtieġ li mhux biss
ngħozzu dak li baqa’ imma ukoll li nfittxu illi nirrestawraw kull fejn
saret il-ħsara, mhux biss minn dawk li ġew qabilna imma ukoll issa
f’dawn iż-żminijiet ukoll.

Din hi l-viżjoni li għandna nmexxu l-quddiem, ikkonkludiet Sandra
Gauci, għax hekk biss nistgħu ngħaddu lil ta’ warajna pajjiż li jkun
aħjar milli ħallewlna ta’ qabilna.