Illum, it-12 ta’ Settembru 2022, bdiet titlaqqa’ f’Malta l-laqgħa tal-Kapijiet tal-Aġenziji Nazzjonali tal-Infurzar tal-Liġi dwar id-Droga. Fil-ftuħ ta’ din il-laqgħa, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri sostnew li huwa ta’ unur li pajjiżna qed jospita laqgħa daqstant importanti.
Din il-laqgħa tlaqqa’ l-Kapijiet kollha tal-Aġenziji Nazzjonali tal-Infurzar tal-Liġi dwar id-Droga tal-pajjizi kollha ta’ madwar id-dinja. Din is-sena qed issir proprju f’Dar il-Meditteran fil-Belt Valletta u mistennija tintemm nhar il-Ħamis li ġej.
Il-Ministru Ian Borg tenna li l-fatt li l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drogi u l-Kriminalità għażel lil Malta sabiex issir l-14-il laqgħa tal-Kapijiet tal-Aġenziji tkompli turi l-impenn li għandu pajjiżna sabiex ikompli jiġġieled il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.
Huwa sostna li Malta temmen f’approċċ multilaterali sabiex ikunu indirizzati sfidi internazzjonali, speċjalment fejn tidħol il-kriminalità organizzata. “L-ebda pajjiż ma jista’ jiġġieled din il-ġlieda waħdu, anzi nemmnu li hemm bżonn li jkun hemm aktar kollaborazzjoni bejn l-aġenziji li għandna f’pajjiżi differenti. Malta hija onorata li qed tkompli tqarreb il-pajjiżi kollha u fuq kollox tkompli tiffaċilita”.
Il-Ministru Borg kompla jgħid li anke permezz tas-siġġu li Malta kisbet fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, pajjiżna se jkun qed ikompli jmexxi ‘l quddiem l-aġenda ta’ aktar sostenibbiltà u paċi fuq bażi internazzjonali.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri sostna kif Malta qed tkompli tikkontrolla t-traffikar tad-droga sabiex tkisser ċrieki kriminali li qed imexxu sustanzi illeċiti, filwaqt li qed issib soluzzjonijiet għal dawk li sfortunatament qed ikomplu jabbużaw mid-droga.
Il-Ministru Camilleri faħħar l-isforzi kollha tal-Korp tal-Pulizija fil-ġlieda kontra d-droga, fejn tenna kif din is-sena, s’issa kien hemm qabda rekord fejn jidħol qabdiet ta’ kokaina mill-Korp tal-Pulizija. Qal li, “Għalkemm it-taqbida kontra l-kriminali li jmexxu d-droga ma tintrebaħx billi wieħed jalloka l-fondi biss, fl-aħħar snin il-Pulizija investiet b’mod b’saħħtu fir-riżorsi li għandhom l-għan li jsaħħu u jgħinu l-Pulizija Maltija f’xogħolha kontra t-traffikar tad-droga. Ir-riżultat ta’ dan l-investiment jidher fil-qabdiet riċenti ta’ droga u persuni li jmexxuha.”
Huwa temm jgħid li Malta temmen bi sħiħ fil-koperazzjoni ta’ pajjiżi differenti fis-sistema tal-infurzar tal-liġi dwar id-droga. Fil-fatt appella sabiex l-awtoritajiet ta’ madwar id-dinja jkomplu jfittxu metodi differenti u effettivi f’din il-ġlieda, filwaqt li jsibu metodi oħra wkoll sabiex tonqos id-domanda għal sustanzi illeċiti.