Kull gvern għandu jieħu ħsieb biss il-ġustizzja tal-pajjiż. L-ekonomija, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-ippjanar huma biss riżultat ta’ tmexxija ġusta. Għalhekk, min ma jinsistix fuq pajjiż b’sistemi ta’ ġustizzja li jaħdmu, m’għandux post fil-politika.
Madankollu, xi ħaġa li ma nistax nifhem mhix biss il-fatt li Robert Abela ma tantx għandu għaġla biex jrażżan il-korruzzjoni flagranti li ħakmet lil pajjiżna, iżda r-raġuni għaliex il-ftit nies li jitkellmu fuq il-bżonn ta’ ġustizzja qed jippretendu li hu se jagħmel hekk.
Qishom ma jafux jew għadhom ma nindunawx li l-kap tal-partit fil-gvern dejjem se jiddefendi l-interessi tan-nies tiegħu u s-saħħa tal-partit qabel kollox. Għax dak huwa l-karru tal-poter li jwassal għall-kontroll u kif jiġu implimentati l-liġijiet li jikkontrollaw il-pajjiż, biex hekk isiru sinjuri huma u jagħmlu lil nieshom sinjuri wkoll.
Imma li verament ma nistax nifhem huwa kif dawn l-istess nies, waqt li jiktbu volumi dwar x’għandu jagħmel Robert Abela, qatt ma jsemmu in-nuqqasijiet tal-Partit Nazzjonalista fl-oppożizzjoni. Kif dawn ma jużawx l-istess kejl mal-partit tagħhom? Kif ma jsemmux il-falliment tas-sistema politika li ma tistax tagħmel xejn kontra l-abbużi fuq pajjiżna u r-riżorsi limitati tagħna? Kif dawn ma jiddejqu xejn bil-fatt li l-oppożizzjoni mhix tagħmel assolutament xejn biex tiddefendi s-separazzjoni tal-poter, li fuqha suppost mibnija d-demokrazija tagħna?
U mhux hekk biss… Dawn l-istess nies li, bir-raġun, jitkellmu lejl u nhar kontra l-fallimenti perenni tal-gvern Laburista għax qed jisraq, jaħsbu li għandhom id-dritt jirrispondu biss meta jaqblilhom. Meta l-gvern Laburista ma jweġibhomx, jgħajjruh bl-omertà ta’ stat mafjuż, iżda meta huma ma jħossuhomx komdi b’domandi fuq il-PN fl-oppożizzjoni, jagħmlu l-istess.
Mela mhux il-verità jridu! Il-verità li jridu hija dik li tpaxxi lilhom biss. Dak li qegħdin jistennew huwa li jinbidel il-gvern biex jieħdu f’idejhom il-poter u jerġgħu jibdew jagħmlu l-ħażin huma, bil-mentalità fażulla li “aħna qatt ma għamilna ħażin daqs il-Labour.”
Malta ttraduta… kemm mill-PL fil-gvern kif ukoll mill-PN fl-oppożizzjoni.