Waqt li kompla biż-żjara uffiċjali tiegħu fl-Emirati Għarab Magħquda, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg kellu numru ta’ laqgħat u żjarat ma’ negozji u persuni li jridu jkomplu jikkollaboraw ma’ pajjiżna għaliex qed jaraw potenzjal fih.
F’Dubai, il-Ministru Ian Borg kellu l-opportunità li jiltaqa’ mat-tmexxija u l-ħaddiema tal-kumpanija Brands For Less. Din il-kumpanija ilha topera mill-1996 b’diversi ħwienet fil-Golf Għarbi u fl-Lvant Nofsani. Fl-2019, dan il-grupp ta’ kumpaniji għażel li jiftaħ l-ewwel ħanut tiegħu f’Malta, f’Tas-Sliema. F’diskussjoni mat-tmexxija, il-Ministru Borg kompla jispjega l-benefiċċji li toffri Malta għal negozji li jagħżlu lil pajjiżna għall-investiment tagħhom.
Huwa kompla billi żar ukoll xogħlijiet li qed tagħmel il-kumpanija MedServ f’Abu Dhabi, wara li ftit tax-xhur ilu kien żar il-faċilitajiet tagħha f’pajjiżna. Il-ministru għall-affarijiet barranin seta’ jara s-suċċess li kumpanija li bdiet f’pajjiżna qed tagħmel lil hinn minn xtutna f’suq ta’ kompetizzjoni b’saħħitha. Huwa sostna li stejjer ta’ suċċess bħal dawn ikomplu jimlew lill-gvern b’aktar kuraġġ sabiex ikompli jimbotta lin-negozji lokali barra minn xtutna.
Lejn tmiem din iż-żjara uffiċjali, il-Ministru Borg kellu l-opprotunità li jindirizza wkoll konferenza tal-aġenzija Maltija Tech.MT. Ian Borg tkellem dwar kif Malta għandha ekonomija b’saħħitha u li qed tirkupra u tikber b’rittmu aħjar mill-medja Ewropea. Huwa qal li dan qed joħroġ biċ-ċar min-numru ta’ rapporti indipendenti li qed jagħtu vot ta’ fiduċja b’saħħtu fil-kapaċitajiet li għandu pajjiżna. “Fit-teknoloġija fl-aħħar snin saru avvanzi kbar ‘il quddiem tant li Malta hija d-dar għal bosta kumpaniji internazzjonali. Iżda, anke bħala avvanz teknoloġiku tal-Gvern, Malta tinsab fil-quċċata fejn jidħlu servizzi teknoloġiċi fl-Unjoni Ewropea”, sostna Ian Borg.
Il-ministru kellu wkoll laqgħa mal-komunità Maltija u man-nies li qed jagħmlu suċċess fl-Emirati kif ukoll attenda għall-okkażjoni tal-Malta Day li ġiet imtella’ mill-Ambaxxata Maltija.